Is-Social Care Standards Authority (SCSA) hija l-awtorità responsabbli biex tiżgura li s-servizzi tal-kura soċjali f’Malta jkunu siguri, ta’ kwalità u bbażati fuq l-ogħla standards professjonali. Ix-xogħol tagħhom jiffoka fuq il-protezzjoni u l-benesseri ta’ persuni vulnerabbli, fosthom tfal f’kura alternattiva, persuni b’diżabilità u individwi li jagħmlu użu minn diversi servizzi soċjali.
L-awtorità topera permezz ta’ sistema ta’ liċenzjar, monitoraġġ u spezzjonijiet biex tiżgura li l-organizzazzjonijiet u s-servizzi fil-qasam tal-kura soċjali jħarsu l-liġi u l-istandards stabbiliti. Dan ifisser li jħarsu dejjem lejn is-sigurtà, id-dinjità u r-rispett lejn kull persuna li tirċievi servizz.
F’SCSA jemmnu li n-nies huma l-akbar riżorsa tagħhom. Huwa għalhekk li qed ifittxu professjonisti motivati u passjonati li jixtiequ jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Bħalissa għandhom diversi vakanzi f’oqsma differenti u qed jistednu lil dawk interessati biex jikkunsidraw karriera magħhom.
Li taħdem mas-SCSA jfisser li tkun parti minn tim li:
– Jaqdi missjoni soċjali importanti
– Jaħdem f’ambjent professjonali u ta’ appoġġ
– Joffri opportunitajiet ta’ żvilupp u taħriġ
– Jagħti ċ-ċans li tikkontribwixxi għal bidla pożittiva fis-soċjetà
Jekk inti persuna li temmen fil-ġustizzja soċjali, fil-protezzjoni tad-drittijiet u tixtieq karriera li verament tagħmel differenza, allura SCSA tista’ tkun il-post it-tajjeb għalik.
Għal aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ xogħol u kif tapplika, żur is-sit uffiċjali fuq www.scsa.gov.mt/about-us/careers