Għal Halloween ta’ din is-sena, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) se tinbidel f’dinja mimlija mużika, kummiedja u stravaganza hekk kif The Rocky Horror Show se jittella’ fit-30 u l-31 ta’ Ottubru u fl-1 ta’ Novembru 2026. Il-produzzjoni ta’ Arthaus u l-MCC se tlaqqa’ flimkien kast Malti ta’ artisti stabbiliti, band live ta’ ħames mużiċisti u tim kreattiv estensiv biex jagħtu l-ħajja lill-musical rock ’n’ roll leġġendarju ta’ Richard O’Brien.

Bi tħejjija għall-ispettaklu, numru ta’ personalitajiet Maltin ġew mistiedna għal preview esklussiv wara l-kwinti. Fost dawk preżenti kien hemm Henry Galea, Miriana Conte, Destiny, Muxu u Gaia, li raw lill-kast bil-kostumi u l-makeup kompluti u saħansitra ngħaqdu magħhom biex jitgħallmu ż-żifna ikonika ta’ Time Warp.
It-tmexxija artistika tinsab f’idejn id-direttriċi Lucienne Camilleri, filwaqt li Ryan Paul Abela, Direttur Artistiku tal-MCC, qed iservi wkoll bħala Direttur Mużikali, u Amy Caruana Dingli bħala Koreografu.
Fuq quddiem tal-kast insibu lil Joseph Zammit bħala Dr Frank-N-Furter, Cliff Zammit Stevens bħala Brad, Talitha Dimech bħala Janet, David Ellul bħala Rocky, Neil Cutajar bħala Eddie u Dr Scott, Stephen Oliver bħala n-Narratur, Bettina Mattocks bħala Magenta, Bertha Farrugia bħala Columbia u Francesca Scerri bħala l-Usherette. Magħhom jingħaqdu wkoll 11-il Phantom.

“Rocky Horror huwa mimli enerġija, b’mużika rock ’n’ roll u bla kompromessi. Għandna mużiċisti mill-aqwa jdoqqu live fuq il-palk u koreografija b’saħħitha li kollha jingħaqdu flimkien biex joħolqu spettaklu mimli ħajja,” jgħid Ryan Paul Abela. Parti importanti mill-esperjenza ta’ The Rocky Horror Show hija l-parteċipazzjoni tal-udjenza. Dawk li se jattendu qed jiġu mħeġġa jilbsu għall-okkażjoni, jitgħallmu l-movimenti famużi tat-Time Warp u jingħaqdu fil-callbacks popolari matul l-ispettaklu.
Arthaus organizzat ukoll workshop pubbliku bla ħlas għal dawk li diġà kellhom biljett, bil-35 post disponibbli jittieħdu fi żmien sagħtejn biss. Il-parteċipanti ħadu sehem f’attivitajiet marbuta mal-produzzjoni, il-makeup teatrali, is-saħħa sesswali u l-callbacks tal-udjenza. The Rocky Horror Show se jittella’ f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru, is-Sibt 31 ta’ Ottubru u l-Ħadd 1 ta’ Novembru 2026.
L-udjenzi jistgħu jagħżlu bejn postijiet standard u imwejjed VIP bl-inbid u platters tal-ikel, filwaqt li hemm ukoll konċessjonijiet għal persuni b’diżabilità u offerti għall-gruppi. Il-biljetti u aktar informazzjoni jinsabu fuq ShowsHappening.com.