Fgura United Football Club nediet Growing Together: From Primary to Middle School, ktejjeb prattiku maħsub biex jappoġġja lill-plejers żgħażagħ hekk kif jibdew is-Seba’ Sena.
It-tranżizzjoni għall-Middle School iġġib magħha rutini, suġġetti, ħbiberiji u responsabbiltajiet ġodda, filwaqt li taħbat ukoll ma’ stadju importanti fl-iżvilupp personali u emozzjonali tat-tfal.
Il-ktejjeb hu maqsum fi tliet kapitli differenti ddedikati għall-ġenituri, għall-plejers, u għall-kowċis u l-amministraturi tal-klabb.
Din toffri pariri prattiċi dwar l-organizzazzjoni, il-ħbiberiji, l-indipendenza, il-pressjoni mill-ħbieb, l-imġiba online, il-benesseri, il-komunikazzjoni, is-safeguarding, u l-bilanċ bejn l-edukazzjoni, il-futbol u anke l-mistrieħ.
Growing Together hija l-aħħar minn sensiela ta’ inizjattivi ta’ Fgura United maħsuba biex jappoġġjaw lill-plejers lil hinn mill-futbol.
Din issegwi EDU90, programm li permezz tiegħu studenti post-sekondarji li jilagħbu ma’ Fgura United jistgħu jitolbu għajnuna fil-progetti ta' ricerka minn grupp apposta ta’ edukaturi.
Il-klabb wettaq ukoll stħarriġ fost il-plejers dwar l-interessi tagħhom fil-qari, bi tħejjija għat-tigdied ta’ librerija tal-klabb.
L-għan tagħna mhuwiex biss li niżviluppaw plejers tal-futbol aħjar, iżda wkoll żgħażagħ kunfidenti, responsabbli u żviluppati b’mod sħiħ.
Il-futbol jagħtina opportunità importanti biex nappoġġjaw l-edukazzjoni u l-iżvilupp personali tagħhom, kemm fil-grawnd kif ukoll lil hinn minnu.
Facebook/ Fgura United FC