Infrastructure Malta qalet li l-barriers li jifirdu ż-żewġ lanes tal-flyover il-ġdid tal-Imsida jistgħu jitneħħew faċilment f’każ ta’ emerġenza, wara tħassib li tqajjem dwar kif vetturi ta’ emerġenza jistgħu jaċċessaw il-post f’każ ta’ inċident.
Il-flyover twil madwar 200 metru, li fetaħ għall-pubbliku f’nofsillejl tal-Ħamis, jgħaqqad Triq Marina ma’ Triq Mikiel Anton Vassalli, b’lane waħda f’kull direzzjoni separata b’barrier baxx.
Ilbieraħ fuq Gwida ħriġna dak li qal il-pumpier Glen Ciantar, fejn wissa li disinn bħal dan jista’ joħloq problemi serji f’emerġenza, u staqsa kif ambulanza jew fire truck jistgħu jaslu malajr jekk tinħoloq konġestjoni.
Min-naħa tagħha, Infrastructure Malta qalet li l-barriers jipprovdu livell għoli ta’ sigurtà fit-traffiku, huma ħfief, mhux imwaħħlin mal-art u jistgħu jitneħħew manwalment biex jgħaddu vetturi ta’ emerġenza. Żiedet li l-istruttura tnaqqas il-ħsara fuq il-vetturi f’każ ta’ kuntatt, u li l-barriers huma interlocked u stabbli f’każ ta’ impatt.
L-aġenzija sostniet ukoll li l-entitajiet kollha, inkluż id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ġew ikkonsultati waqt l-istadju tad-disinn u ma tqajmux oġġezzjonijiet.
Facebook / Infrastructure Malta