Il-biljetti għall-Eurovision Song Contest 2026 nbiegħu kollha f’ħin rekord. Ħabbru dan l-EBU permezz ta’ stqarrija uffiċjali.
Il-Finali, li se ssir fi Vjenna f’Mejju li ġej, inbiegħet f’14-il minuta, filwaqt li l-biljetti għaż-żewġ semifinali inbiegħu fi żmien 20 minuta.
Il-biljetti għall-Preview Shows inħatfu malajr kollha, u fi żmien siegħa mill-ftuħ tal-bejgħ ma kien fadal xejn disponibbli. Il-Wiener Stadthalle, li se tospita l-avveniment, għandha waħda mill-akbar kapaċitajiet li qatt kellha sala tal-Eurovision f’dawn l-aħħar snin.
Id-Direttur tal-Eurovision Song Contest, Martin Green CBE, qal li r-rispons kien straordinarju u jfakkar fil-ferħ, l-għaqda u l-esperjenza kondiviża li jirrappreżenta l-konkors.
Huwa żied li dawk li ma rnexxilhomx jiksbu biljetti se jkollhom opportunitajiet oħra aktar tard fir-rebbiegħa, u li se jitħabbar mod eċitanti biex il-partitarji jesperjenzaw il-Eurovision eqreb lejn darhom.
B’kollox, din is-sena 35 xandar pubbliku se jibgħat artisti u kanzunetti biex jikkompetu fil-Eurovision Song Contest, fis-semifinali tat-12 u l-14 ta’ Mejju, u fil-finali tas-16 ta’ Mejju.
Int taf min xtaq jixtri biljett għal Vjenna? Fil-każ din l-aħbar tinteressahom!
Facebook/ Eurovision Song Contest