Is-7 ta’ Frar 2026 se jkun lejl mimli spettaklu, eleganza u misteru, hekk kif jinfetħu l-bibien ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, magħrufa qabel bħala s-Sacra Infermeria, għal waħda mill-aktar esperjenzi li jdaħħluk f’atmosfera unika – CARNEVALE: Il-Gran Ballu tal-Gran Mastru.
Immaġina lilek innifsek mal-kavallieri u n-nisa nobbli, fid-dawl dehbi u l-mużika li jiħduk lura fl-istorja għal ħames sekli ilu. F’din il-lejla grandjuża, kull dettall – mill-maskri raffinati sal-ikel eċċellenti – se jġibu magħhom il-ġmiel u l-lussu tal-era Barokka.

Il-Gran Mastru tal-Ordni ta’ Malta jirritorna mill-epoka storika biex jistiednek għal din iċ-ċelebrazzjoni mill-isbaħ, fejn kull mistieden isir parti minn narrattiva grandjuża ta’ dawk iż-żminijiet. B’tema tad-deheb, il-ballu ta’ din is-sena se jġib miegħu wkoll it-tisħiħ tal-leġġendi ħerġin mill-iskoperta ta’ dinja ġdida misterjuża li tinsab fuq in-naħa l-oħra tal-Oċean Atlantiku – art ta’ teżori, avventuri u kreaturi eżotiċi.
Il-programm ta’ din il-lejla jiftaħ fis-19:30 b’xarba ta’ merħba u canapés raffinati, segwiti minn ikla ta’ erba’ korsijiet, bejn it-20:30 u l-23:30. U l-lejla ma tispiċċax hawn! Issegwi After Party sas-sagħtejn ta’ filgħodu b’mużika, xorb u atmosfera vibranti li se tkompli żżomm il-mistiedna jiżfnu sal-aħħar nota.
Il-menu, maħdum apposta, joffri esperjenza gastronomika mill-aqwa: minn Goat Cheese Royal u Cured Salmon Shortbread, għal Grilled Beef Fillet, jew l-għażliet vegani skwiżiti bħal Chanterelle Risotto u Vegan Chocolate Mousse. Il-mistednin se jgawdu wkoll min-nofs flixkun inbid Elettra jew ilma prodott lokalment, kif ukoll open bar għal sagħtejn u nofs bi Prosecco, inbid, birer u xorb ieħor.
Għal min għandu xi rekwiżiti speċjali tad-dieta, dan jista’ jikkuntattja lil matthew@mcc.com.mt, waqt li l-età minima għall-parteċipazzjoni hi ta’ 18-il sena. Id-dress code jinkludi kostum storiku jew formali (black tie) flimkien ma’ maskra – element essenzjali biex tidħol fid-dinja misterjuża ta’ Carnevale.
Aktar minn avveniment hu esperjenza li tqanqal is-sensi u tħallilek memorji li tibqa’ tiftakar. Ipprepara l-maskra, ħejji l-kostum, u wieġeb għas-sejħa tal-Gran Mastru għal lejl maestuż u ta’ sorpriżi fil-qalba tal-belt kapitali.
Għal bookings ta’ gruppi ta’ għaxar persuni jew aktar hemm offerta speċjali. Ikkuntattjaw lill-MCC fuq 2559 5750 jew 2124 3840, bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa (8:00 – 16:00).