“Sempliċement għax għandkom rabta tad-demm, ma jfissirx li għandek taċċetta abbuż, manipulazzjoni, gas-lighting, trattament preferenzjali u nuqqas ta’ rispett.” Dan kien il-messaġġ li qasam il-psikologu kliniku, sesswologu u terapista tal-koppji Nicholas Briffa f’post li qajjem diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet familjari u l-limiti personali.
Fil-messaġġ tiegħu, Dr Briffa qal li mill-esperjenza klinika tiegħu jħoss li ħafna nies jibqgħu passivi wisq meta jiġu biex jindirizzaw imġiba negattiva jew tossika fil-familja tagħhom. Huwa jispjega li ħafna drabi n-nies iħossuhom obbligati jittolleraw ċertu trattament sempliċement għax ġej minn qarib jew membru tal-familja.
Skontu, dan jista’ jwassal biex persuna tibqa’ f’sitwazzjonijiet li jweġġgħu emozzjonalment u li jistgħu jkollhom impatt fuq is-saħħa mentali tagħha.
Dr Briffa jħeġġeġ lin-nies biex jistaqsu lilhom infushom mistoqsijiet importanti, “X’qed tħalli jiġri u għaliex?” u “Taħseb li xi ħaġa qatt se tinbidel?” Dawn il-mistoqsijiet, skontu, jgħinu lill-persuni jirriflettu fuq l-imġiba li qed jaċċettaw u jekk din hix qed tagħmlilhom il-ħsara.
Fl-istess waqt, hu jfakkar li hemm realtà importanti li ħafna drabi ninsew, ħafna drabi ma nistgħux nibdlu lill-oħrajn. Madankollu, kull persuna għandha kontroll fuq kif tirreaġixxi u x’limiti tistabbilixxi fir-relazzjonijiet tagħha.
Il-messaġġ ewlieni tiegħu huwa ċar: ir-relazzjonijiet familjari għandhom ikunu mibnija fuq rispett. U jekk ir-rabta tad-demm tintuża bħala skuża għal abbuż jew nuqqas ta’ rispett, kull individwu għandu d-dritt li jpoġġi limiti biex jipproteġi l-benesseri tiegħu.
Facebook / Nicholas Briffa