Taħt il-wiċċ ileqq tal-baħar Malti hemm dinja li ħafna minna qatt ma naraw, iżda li qed issostni l-gżejjer tagħna kuljum fis-skiet. Qed nitkellmu dwar il-Posidonia oceanica, pjanta tal-baħar li tinfirex fuq qiegħ il-baħar bħal foresta ħadra vasta u li għandha rwol kruċjali għall-ekosistema tagħna.
Fuq ix-xtut, forsi nagħrfuha bħala dawk il-munzelli kannella li xi drabi jinġemgħu wara maltempata. Madankollu, taħt l-ilma din mhix sempliċement alka, iżda pjanta vera b’għeruq, weraq u fjuri. Bħall-foresti fuq l-art, l-alka tipproduċi l-ossiġnu u taħżen il-karbonju, u għalhekk hija alleat naturali importanti kontra t-tibdil fil-klima. Mhux ta’ b’xejn li ħafna jsejħulha l-pulmun tal-baħar tagħna.
Il-benefiċċji tagħha huma konkreti u jinħassu minn kulħadd. Il-mergħat tal-alka jgħinu biex iżommu l-ilma nadif u ċar, jipproteġu l-bajjiet mill-erożjoni u jservu ta’ kenn u ikel għal bosta speċi. Huma wkoll nursery naturali għal ħafna ħut li jsostni s-sajd lokali u, indirettament, l-ekonomija kostali. Anke meta tinġarr lejn ix-xtut, l-alka tibqa’ taqdi funzjoni importanti billi tipproteġi l-bajjiet minn kundizzjonijiet estremi u toħloq abitat għal organiżmi żgħar iżda essenzjali.
Għalkemm il-maġġoranza tal-mergħat f’Malta jinsabu f’kundizzjoni tajba, xorta jkun hemm diffikultajiet. F’ċerti żoni, l-ankri, l-iżvilupp kostali u disturb ieħor f’qiegħ il-baħar jikkawżaw ħsara lokalizzata. Dawn mhumiex dejjem riżultat ta’ intenzjoni ħażina, iżda konsegwenza tal-mod kif nużaw il-baħar għat-trasport, it-turiżmu u d-divertiment. Dan ipoġġi quddiemna sfida ċara: kif nistgħu nkomplu ngawdu u nużaw ir-riżorsi marini tagħna b’mod aktar sostenibbli?
Permezz ta’ proġett ġdid kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (EMFAF), l-ERA qed tieħu passi konkreti biex tirrestawra żoni milquta tal-alka. Il-proġett, Marine Conservation: An Inclusive Approach to Managing Marine Resources, għandu żewġ għanijiet ewlenin, li jħeġġeġ bidla fl-imġiba sabiex nipproteġu aħjar l-ambjent marittimu tagħna, u li jimplimenta azzjonijiet konkreti ta’ ġestjoni u restawr.

Ir-restawr tal-alka huwa proċess delikat, peress li hija speċi li tikber bil-mod u hija sensittiva ħafna. Rimjiet naturali li jinqalgħu jistgħu jinġabru b’attenzjoni u jitħawlu mill-ġdid f’qiegħ il-baħar biex jgħinu ż-żoni bil-ħsara jirkupraw. Flimkien mad-Dipartiment tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Malta, l-ERA se tidentifika siti adattati, twettaq stħarriġ dettaljat u tittestja metodi innovattivi ta’ restawr, segwiti minn monitoraġġ kontinwu biex jiġi evalwat is-suċċess tagħhom.
L-għan finali huwa li jinħoloq qafas nazzjonali ċar li jiżgura li dawn l-isforzi jkunu sostenibbli u protetti fit-tul. Għas-sajjieda dan jista’ jfisser stokkijiet ta’ ħut aktar b’saħħithom; għall-baħħara, aktar gwida dwar ankraġġ responsabbli; u għall-familji, ilma aktar nadif u bajjiet aktar reżiljenti.
Il-kura tal-baħar mhix biss obbligu ambjentali iżda hija investiment fil-futur tagħna u fil-kwalità tal-ħajja li nixtiequ nħallu lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Il-proġetti EMFAF.P1.209 u EMFAF.P1.366 huma kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura 2021–2027.
Aktar informazzjoni: era.org.mt/projects/emfaf | fondi.eu
OCEANA / Carlos Minguell © LIFE BaĦAR for N2K