“Il-Ħajja Ma Kinitx Ġentili Miegħek, Iżda T-Tbissima Tiegħek Baqgħet Tiddi” – Ivan Grech Isellem Il-Memorja Ta’ Ian Bartolo

Il-kantant lokali Ivan Grech qasam messaġġ mill-qalb fuq il-mezzi soċjali biex isellem il-memorja tal-ħabib tiegħu Ian Bartolo, li ħalla din id-dinja. Ivan fakkar is-snin twal li qattgħu jaħdmu flimkien, snin mimlija mużika, ċajt, daħk u memorji sbieħ li se jibqgħu jgħożż għal dejjem.

"Ian, ħabib tiegħi, ħdimna flimkien għal ħafna snin u m'għandi xejn ħlief memorji sbieħ, enerġija pożittiva u daħk bla waqfien. Kanzunetti, ħsejjes, ċajt u tbissimiet... il-ġranet twal u impenjattivi kienu jgħaddu aktar malajr u b'aktar faċilità meta kont tkun magħna," kiteb Ivan.

Fost l-aktar kliem li jmiss il-qalb, Ivan semma kif minkejja d-diffikultajiet li Ian għadda minnhom, qatt ma tilef dik it-tbissima li kienet tiddistingwih. "Il-ħajja ma kinitx ġentili miegħek, iżda t-tbissima tiegħek, li kienet tittieħed, baqgħet tiddi anke fl-aktar mumenti diffiċli."

Ivan temm il-messaġġ tiegħu billi awgura lil ħabibu l-mistrieħ ta' dejjem u wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja kollha. Huwa ħalla wkoll riflessjoni dwar kemm hu importanti li napprezzaw il-preżent u lil dawk li għandna madwarna. "Irridu nagħmlu l-aħjar minn dak kollu li għandna sakemm għad għandna, għax l-unika ħaġa li tassew għandna hija l-mument preżenti."

Insellmu l-memorja ta' Ian Bartolo u nwasslu l-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-familjari, ħbieb u dawk kollha li kienu jafuh.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI