Nhar is-Sibt 31 ta’ Ottubru, ir-residenza tal-Little Sisters of the Poor fil-Ħamrun se tilqa’ attività speċjali fl-okkażjoni tal-festa tal-Qaddisin Kollha, organizzata għat-tieni sena konsekuttiva mill-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun. It-tfal u l-adolexxenti huma mistiedna jilbsu ta’ qaddis jew qaddisa favorita tagħhom u jqattgħu ftit ħin mar-residenti. M’hemmx għalfejn kostumi elaborati, hekk kif ilbies sempliċi, salib u karta bl-isem tal-qaddis ikunu biżżejjed.

Il-parteċipanti se jinġabru fl-10:00 quddiem il-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, biex imbagħad fl-10:30 tiġi ċċelebrata quddiesa minn Fr Franco Fenech fir-residenza. It-tfal se jkollhom ukoll l-opportunità jitkellmu dwar il-qaddis li jkunu qed jirrappreżentaw u jqassmu labti tal-Madonna. L-attività se tinkludi wkoll tliet sketches umoristiċi mill-grupp teatrali Maskarti, taħt id-direzzjoni ta’ Justin Farrugia, kif ukoll spettaklu mużikali mid-duo Ellie & Julia, li se jinterpretaw kanzunetti Maltin fosthom Fit-Tieġ tan-Neputija.

Dawk li ma jixtiqux jilbsu kostum xorta huma mistiedna jattendu. F’każ ta’ maltemp, il-parteċipanti għandhom imorru direttament fir-residenza fl-10:15. Il-parkeġġ fl-eks Liċeo se jkun bla ħlas. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq 7705 1771 jew jikkuntattja lill-għaqda permezz ta’ Facebook.
Inizjattiva ħelwa li tgħaqqad il-ġenerazzjonijiet u twassal ftit ferħ fil-ħajja tal-anzjani!