Illum, f’Jum il-Bdiewa, inwasslu ringrazzjament mill-qalb lill-bdiewa u lir-raħħala kollha li, b’ħidma bla waqfien, jagħtuna l-ikel ta’ kuljum.
Huma dawk li joħorġu jaħdmu fid-dlam u jirritornaw lura d-dar fid-dlam ukoll; dawk li jqattgħu nofs ġurnata b’daharhom mgħobbi bl-għejja. Dawk li jaħdmu waħedhom, lejl u nhar, is-Sibt u l-Ħadd, fil-festi u fil-ġranet ordinarji, fix-xemx tiżreġ u fix-xita qliel.
Wara kull frotta, kull ħaxixa u kull prodott li nsibu fuq il-mejda tagħna hemm sigħat twal ta’ ħidma, sagrifiċċju u dedikazzjoni. Ħidma li jistħoqqilha kull apprezzament.
Il-ħajja tal-bidwi mhix faċli. F’ħakka t’għajn, maltempata qalila, nixfa jew sħana qawwija jistgħu jeqirdu xhur ta’ xogħol u jġibu fix-xejn l-isforzi kollha tiegħu.
Minkejja l-progress u t-teknoloġija, il-ħidma tal-bidwi tibqa’ waħda ta’ valur imprezzabbli għas-soċjetà tagħna. Għalhekk, illum m’għandniex biss infakkruhom, iżda nagħrfu tassew il-kontribut tagħhom.
Grazzi lil kull bidwi u raħħal għall-ħidma, is-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni tagħkom. Il-ħidma tagħkom hi prezzjuża immens għalina lkoll.