Għal żmien l-ewwel tas-sena, tkellimna mal-personalita` lokali Karmen Tedesco. Hi spjegat kif bdiet il-karriera tagħha fil-midja u kemm tapprezza l-ħin mal-familja, speċjalment mas-sitt neputijiet għeżież tagħha.
- Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn il-midja?
Jiena ma nistax ngħid li kien hemm xi żmien meta l-imħabba tiegħi lejn il-midja nibtet jew le għaliex attwalment jiena dħalt fiha mingħajr ma qatt ippjanajt, mingħajr ma qatt ħsibt. Fi żmien it-tmeninijiet, il-ministru tal-edukazzjoni ta’ dak iż-żmien, li imbagħad kien President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici xtaq illi fil-programmi tan-nisa li kien ikun hemm fuq ir-radju, u dak iż-żmien fit-tmeninijiet ma kienx għad hawn il-pluraliżmu fir-radju, kull ma kien hemm żewġ stazzjonijiet, Radju Malta wieħed u Radju Malta tnejn, u xtaq li fi programm li jsir filgħodu għan-nisa jkun hemm home economist. Jiena kont għalliema tal-home economics u l-uffiċjal edukattiv tagħna kienet irrakkomandat tliet għalliema biex immorru nagħmlu taqsima żgħira fil-programmi li kienu jsiru dak iż-żmien, nagħtu daqxejn input tagħna.
Filfatt kienet ikkuntatjanti l-mibkija Susan Mulvaney, qaltli inti ġejt rakkomandata mid-dipartiment, nixtieqek li tiġi nagħmlu tliet programmi flimkien u għedtilha jien qatt ma kont fuq ir-radju, għandi ċertu biża’. Qaltli “uwejja ilek tgħallem dawn is-snin kollha, kif se tiddejjaq?” Insomma, ippreparajtilha tliet programmi u biex preparajthom kienet xi ħaġa tal-biża’ għax għamilt is-sigħat nippjana u nikteb kull kelma li se ngħid. Kienu fuq il-food processors, microwaves u freezers. Meta lestejthom staqsietni għal tliet programmi oħra u jien għedtilha ‘le ta, taf kemm ħadt ħin biex għamilthom dawk!’
Kien ġej is-sajf u qaltli “uwejja, inkomplu flimkien”, u komplejt. Hi imbuttatni u l-istorja imbagħad baqgħet sejra. Imbaghad hi iċċaqalqet mill-istazzjon Radju Malta u marret RTK. Stednitni niġi magħha, u mort magħha. Dik hija l-istorja tiegħi u r-relazzjoni li għandi mal-midja. Xi ħadd tefgħani ġo fiha, jien kelli ċertu biżgħat.
Meta tara l-kummenti tas-semmiegħa… dak iż-żmien ma kellniex messaġġi u telefonati. Il-kuntatt magħhom kien jew permezz ta’ ittri, jitolbuna pariri jew xi tema li jkunu jixtiequ, u t-telefonati ġew wara. Is-semmiegħa jagħmlulek kuraġġ għax tkun qed titkellem fuq xi ħaġa u huma jibgħatulek mall-ewwel “iva veru”. Imbagħad is-semmiegħa riedu l-kotba wkoll, ġifieri qatt ma qomt filgħodu u għedt se nikteb ktieb, kienu huma li mbuttawni biex dak li nkun qed nagħti fuq ir-radju jkun dokumentat fi ktieb. Ma tantx kienet xi ħaġa li ħassejt li stajt nagħmilha faċilment għax qed nitkellmu fuq żmien meta jiena kont b’żewġt itfal, it-tnejn l-iskola, u kelli x-xogħol tiegħi ukoll tal-iskola għax bħala għalliema jkollok ħafna preparazzjoni u xogħol li trid tikkoreġi, u allura l-ħsieb li xi darba nikteb ktieb, għalkemm kienu jikoraġġuni ħafna, kienet tinħass xi ħaġa ‘l bogħod ħafna.
2. Għandek xi riċetti speċjali li tħobb issajjar f’dan iż-żmien ta’ festi?
Hemm ħafna, l-ewwel nett nibdew b’dawk li huma tradizzjonalment… forsi ma kinux minn dejjem tagħna iżda issa saru tagħna, bħal famużi kejk tal-Milied, mince pies, il-qagħaq tal-għasel għax dawk huma tradizzjoni tagħna. Imbagħad hemm ix-xarba bl-imbuljuta taċ-ċikkulata bil-qastan. Imbagħad ikun hemm l-ikel ukoll li jkun qisu partikolari għal dan iż-żmien. Forsi nużaw iżjed platti li jkollhom għaġin bħat-tortellini, xi ħaġa li nħobb nagħmel, u nħobbu nagħmluha anke bħala familja. Saret xi ħaġa ta’ kull sena li man-neputijiet ninġabru hawnhekk u nagħmlu l-għaġina aħna stess, jimlewhom, insajruhom, inħallu minnhom għal dakinhar tal-Milied, forsi nagħmlu ftit mal-platt tal-brodu. Ġifieri saret qisha tradizzjoni li ssir fid-dar tiegħi.
3. X’taħseb dwar ir-riżoluzzjonijiet tal-aħħar tas-sena? Għandek xi ftit għas-sena li ġejja?
Ħa ngħid il-verita` jiena… ma nemminx fihom. Jekk inti hemm xi ħaġa li trid tibdel, għandek għalfejn toqgħod tistenna sal-aħħar tas-sena biex tibdilha? Jekk hemm xi ħaġa li inti tħoss li għandha tinbidel, jekk ikun f’Ġunju, f’Settembru, f’Marzu, m’għandekx għalfejn toqgħod tistenna sal-aħħar tas-sena biex tagħmel dawk il-bidliet! Jiena għal dak il-punt, jekk hemm xi ħaġa li rrid nibdel, nagħmel sforz u nagħmilha meta nkun innutajt li hemm bżonn li ssir il-bidla.
4. Xi jżommhok motivata, speċjalment meta tkun qed taffaċċja xi sfidi fil-ħajja?
Il-ħajja kollha sfidi, fi kwalunkwe eta` li tkun, u inti trid iżżomm f’moħħok li kemm jista’ jkun iżżomm moħħok okkupat fuq affarijiet, mhux qed ngħid tad-dar biss, imma anke barra d-dar. Pereżempju jiena jkolli ħafna stedin biex nagħti taħditiet fi gruppi differenti, ġieli fi skejjel, ġieli f’għaqdiet oħrajn, allura inti jekk ikollok f’moħħok li għandek xi ħaġa partikolari li trid tagħmel hekk, bla ma trid m’intix se toqgħod lura, u jekk ikollok problema, bħal ma kulħadd ikollu, m’intix se tibqa’ titħasseb fuq dik il-problema li jkollok. Il-fatt li inti tkun trid toħroġ u tindirizza grupp ta’ nies, hemmhekk tagħmel differenza kbira. U nemmen ukoll li għandu jkollok ħin tajjeb mal-membri tal-familja. Jien man-neputijiet, għandi sitt neputijiet, u anke ma’ ħbieb. Li żżomm il-ħin tiegħek okkupat nemmen li tgħinek ħafna ħafna ħafna.
Facebook / Karmen Tedesco