Aħbar sabiħa għall-artista Maltija Amber li flimkien mas-sieħba tagħha Olwyn qed jiċċelebraw il-wasla ta’ tewmin ġodda fil-familja tagħhom. Permezz ta’ messaġġ li qasmet, Amber ħabbret li nhar it-Tlieta 3 ta’ Marzu twieldu t-tewmin tagħhom, Ġanni u Stella, u esprimiet il-ferħ kbir li qed iħossu f’dan il-mument speċjali.
Hija kitbet, “Qalbna mfawra b’iktar imħabba. Din id-darba mħabba doppja. It-Tlieta 3 ta’ Marzu twieldu t-tewmin tagħna Ġanni u Stella.” Fil-messaġġ tagħha spjegat ukoll li t-trabi jinsabu f’saħħithom, filwaqt li Olwyn – li għaddiet mit-twelid – qed tirkupra bil-mod.
Amber ħadet ukoll l-okkażjoni biex tirringrazzja lit-tim mediku li ħa ħsiebhom matul dan iż-żmien importanti. Hija esprimiet gratitudni lejn l-inferiera, il-qabla u l-istaff kollu tal-NPICU, Delivery Ward u OBS 3 għall-kura u d-dedikazzjoni tagħhom.
Barra minn hekk, irringrazzjat b’mod speċjali lil Olivia Anne Cassar għall-għajnuna u l-gwida tagħha matul il-proċess kollu. Din l-aħbar ġabet magħha ħafna awguri u messaġġi ta’ ferħ minn segwaċi u ħbieb tal-artista, li awguraw lil Amber u lill-familja tagħha kull ġid f’dan il-kapitlu ġdid ta’ ħajjithom.
Ġanni u Stella, jingħaqdu ma’ ħuhom il-kbir Ġużi! Min jaf narawx lil Amber b’xi kanzunetta speċjali ddedikata għalihom ukoll ‘il quddiem!
Facebook / Olywn Jo Saliba