It-talent Malti qed jerġa’ jispikka fuq livell internazzjonali permezz tal-kantanta ċkejkna Audrey Schembri, li reġgħet kisbet suċċess kbir ġo festival prestiġjuż barra minn Malta.
Audrey, ħadet sehem fil-Mollëkuqet & Rising Stars Singers Festival fejn ikkompetiet kontra 18-il kantant minn pajjiżi differenti, kollha akbar minnha fl-età. Minkejja l-isfida, irnexxielha tirbaħ il-kategorija XS (7-12 sena) u ġġib lura t-titlu f’Malta.
Imma mhux hekk biss, Audrey ngħatat ukoll l-opportunità li tikkompeti għall-Junior Grand Prix, fejn spiċċat bħala runner-up, ftit punti biss ‘il bogħod mit-titlu ewlieni. Barra minn hekk, hija ngħatat ukoll stedina biex tipparteċipa f’żewġ kompetizzjonijiet oħra ta’ prestiġju barra minn xtutna.
Matul il-Gala Awards Ceremony, Audrey interpretat b’suċċess il-kanzunetta Into the Unknown ta’ Panic! At The Disco, bi prestazzjoni li ġabet l-apprezzament tal-ġurija u tal-pubbliku preżenti.
Fil-messaġġ tagħha fuq il-midja soċjali, Audrey qalet li kienet “assolutament bla kliem u gratissima” għal dan l-unur. Hija rringrazzjat lill-ġurija, lill-organizzaturi, u speċjalment lill-kowċis vokali tagħha fi ħdan La Voix Studios taħt id-direzzjoni ta’ Ms. Gillian Attard, li skontha kienu fundamentali biex dan ir-riżultat ikun possibbli. Hija esprimiet ukoll gratitudni kbira lejn Ms. Arta Haziri-Nuhiu, Direttur tar-Rising Stars Kosovo, u Ms. Evelina Batey, kap tad-delegazzjoni Maltija u ġurata professjonali.
Audrey temmet billi rringrazzjat ukoll lil dawk li jsegwuha, li bil-kummenti u l-appoġġ tagħhom tawha l-motivazzjoni biex tagħti l-aħjar tagħha. Dan is-suċċess iżid mal-kisbiet internazzjonali tat-tfal kantanti Maltin, li dejjem qed juru l-potenzjal u l-passjoni tagħhom fuq livell globali.
Facebook / Audrey Schembri