L-uffiċjal tal-Pulizija Johann Vella, li weġġa' serjament waqt l-isparatura li seħħet nhar il-Ġimgħa fiż-żona ta' Ta' Ġiorni, San Ġiljan, inħareġ mit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU). Kelliem għall-Korp tal-Pulizija kkonferma li Vella, li sofra ġrieħi f'wiċċu u f'għonqu waqt l-inċident drammatiku, tħalla joħroġ mill-ITU nhar it-Tnejn.
Vella u l-kollega tiegħu, Omar Sharif, li sofra ġrieħi ħfief, intlaqtu minn tiri ta' arma tan-nar waqt li kienu qed jirrispondu għall-inċident. L-uffiċjali kienu ssejħu fi Triq Joseph Carbone, wara rapporti li raġel kien ta n-nar lil xi materjal taħt ħaddiema li kienu qed jaħdmu minn basket ta' krejn f'sit ta' kostruzzjoni fil-viċinanzi, allegatament bħala protesta kontra x-xogħlijiet li kienu għaddejjin.
Meta waslu l-pulizija fuq il-post, is-suspettat allegatament fetaħ in-nar fuqhom, fejn laqat lill-uffiċjal Omar Sharif. Ftit wara, is-Surġent tal-Ispecial Intervention Unit (SIU), Johann Vella, intlaqat f'wiċċu, f'għonqu u f'siequ hekk kif il-pulizija ppruvaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Aħbar pożittiva! Nittamaw li saħħtu tibqa' miexja 'l quddiem!