Wara suċċess sena wara l-oħra, l-Kirkop Summer Fest jirritorna għat-tmien edizzjoni tiegħu – u din id-darba bi programm speċjali. Organizzat minn K Music Events, dan il-festival li kiseb post fil-kalendarju kulturali u se joffri żewġ serati b’mużika popolari.
F’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop, il-festival se jsir fil-parkeġġ tal-Kulleġġ San Benedittu (Middle School) nhar il-Ġimgħa 4 u s-Sibt 5 ta’ Lulju. Id-dħul huwa b’xejn, iżda l-esperjenza se tkun waħda memorabbli.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, qal: “Avvenimenti bħal Kirkop Summer Fest ma jiġrux b’kumbinazzjoni jew weħidhom iżda jsiru frott ta’ ħidma u mħabba lejn il-komunità. Ħal Kirkop illum huwa eżempju ta’ kif il-lokalità tista’ ssir ċentru ta’ kultura ħajja u vibranti. Prosit lill-organizzaturi u dawn il-voluntiera li jagħtu tant ħin is-sena kollha.”
Il-Ġimgħa 4 ta’ Lulju, DJs Sheron u Zrinz jiftħu s-serata, biex imbagħad jitla’ fuq il-palk Jeff Dingle, uffiċjalment meqjus bħala l-aqwa tribute artist ta’ Bruno Mars fir-Renju Unit. Il-lejla tagħlaq b’DJ Sue, waħda mill-aktar ismijiet rispettati u maħbubin fuq il-palkijiet lokali.
Is-Sibt 5 ta’ Lulju,bis-sehem ta’ Radio Active – tribute band eċċezzjonali tal-grupp Imagine Dragons.Is-serata tkompli b’DJ Alex Tonna u DJ Ryan Spiteri.
Għalkemm id-dħul hu bla ħlas, se jkun hemm voluntiera mill-Inspire Foundation preżenti biex jiġbru donazzjonijiet.