Ivan Grech B’Kunċert Live Fit-8 Ta’ Mejju Biex Jiċċelebra T-Tnedija Tal-Album Victory Street Li Ħareġ Illum

Ivan Grech illum ħareġ l-ewwel album solo tiegħu, Victory Street, li issa huwa disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali kollha. Wara karriera twila bħala frontman, awtur u kompożitur ma’ Winter Moods, Victory Street jimmarka kapitlu ġdid fil-vjaġġ mużikali ta’ Ivan.

L-album jiġbor fih diski li jirriflettu emozzjonijiet u esperjenzi differenti. Dan l-album jinkludi diski diġà popolari bħal “(Let’s Get) High on Love”, “Picture on the Wall”, u l-aktar diska riċenti “Show Me How to Love You”, li ntlaqgħet’ tajjeb ħafna. Edizzjonijiet limitati ta’ CDs u vinyl se jkunu għal bejgħ fil-ġimgħat li ġejjin.



L-album jinkludi wkoll kollaborazzjonijiet ma’ diversi mużiċisti lokali, kif ukoll kontribuzzjoni speċjali mill-kitarrist, kompożitur u produttur Ġermaniż rinomat Carl Carlton fuq il-kanzunetta prinċipali Victory Street. Carlton ħadem ma’ artisti fosthom Robert Palmer u diġà daqq ma’ Ivan f’Pjazza Teatru Rjal.



“Victory Street huwa album personali ħafna għalija, filfatt huwa msemmi għat-triq li kont noqgħod fiha. Meta kont qed nikber l-Isla, niftakar l-affarijiet sempliċi bħal te f’tazza tal-ħġieġ fil-każin, ċajt bejn il-ħbieb… imma dejjem konna hemm għal xulxin. Dak kien l-ispirtu ta’ fejn trabbejna. Dan l-album huwa dwar dawk il-memorji, dwar il-ħbiberiji, u l-mogħdija taż-żmien. Meta tħares lura b’nostalġija, kif ukoll gratitudni titgħallem timxi ’l quddiem waqt li tibqa’ leali lejn l-għeruq tiegħek. L-Isla kienet… ‘hija’ unika.”

L-album ġie rrekordjat f’Temple Studios, Railway Studios u Upper Room Studio, bil-produzzjoni mmexxija minn David Vella f’Temple Studios, Matthew James f’Upper Room Studio u Peter Borg f’Railway Studios, li kkontribwixxa wkoll fl-istrumentazzjoni u l-produzzjoni. L-artwork tal-album sar minn Daniel Spagnol.



Ivan ser jiċċelebra t-tnedija ta’ dan l-album b’kunċert speċjali live nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju 2026 f’Sir Temi Zammit Hall, l-Università ta’ Malta. L-udjenza ser ikollha l-opportunità tesperjenza id-diski tal-album live għall-ewwel darba. Aktar dettalji, inkluż l-informazzjoni dwar il-biljetti, se jitħabbru fil-jiem li ġejjin. In-numru ta’ postijiet ser ikun limitat.

Victory Street jirrappreżenta mhux biss kapitlu ġdid, iżda wkoll kontinwazzjoni tal-vjaġġ mużikali ta’ Ivan Grech. Ivan Grech huwa appoġġjat minn Kunsill Malti Għall-Arti, Hamilton Travel, Signal 8 Security, Hard Rock Café Malta, V&C Group, Finestral, Logografix, BMIT, Clamtech, Kia Malta, Ta’ Fonzu, Easygas, Toni & Guy, Sign It u Striped Sox.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI