“Il-Konsumatur Għandu Dritt Jaf Minn Qabel Kemm Se Jħallas” – Roderick Galdes

Roderick Galdes tkellem dwar dak li qed jiddeskrivi bħala żieda fl-użu tas-sistema tal-'coperto' f’Malta, jiġifieri ħlas addizzjonali li ċerti stabbilimenti u ristoranti jistgħu jżidu mal-kont tal-klijent. "Bil-mod il-mod, jidher li f’pajjiżna qed tidħol ukoll is-sistema tal-‘coperto’," kiteb Galdes fuq il-mezzi soċjali.

Huwa għamilha ċara li dan il-ħlas mhuwiex taxxa imposta mill-Gvern, iżda spiża addizzjonali li, skontu, numru ta’ stabbilimenti u ristoranti qed jibdew idaħħlu fil-kontijiet tagħhom. Galdes sostna li, fi żmien meta l-ispiża biex wieħed jiekol barra f’Malta diġà hija għolja meta mqabbla ma’ diversi pajjiżi ġirien, il-konsumaturi m’għandhomx jiffaċċjaw spejjeż addizzjonali mingħajr ma jkunu infurmati b’mod ċar minn qabel.

"Filwaqt li nirrispetta li s-suq huwa liberu, il-konsumatur għandu dritt fundamentali li jkun jaf minn qabel kemm se jħallas," qal Galdes. Huwa saħaq li kwalunkwe 'coperto', 'service charge' jew ħlas addizzjonali għandu jkun indikat b’mod ċar, viżibbli u trasparenti qabel ma l-klijent jibda jirċievi s-servizz, u mhux isir jaf bih għall-ewwel darba meta jasal il-kont.

Galdes appella wkoll lill-Gvern biex jibgħat messaġġ ċar kontra kwalunkwe forma ta’ abbuż u biex jiżgura li d-drittijiet tal-konsumaturi jkunu mħarsa. "Is-suq ħieles għandu jibqa’ ħieles, iżda l-konsumatur għandu jkun infurmat, protett u rispettat," temm jgħid.

Intom qatt iltqajtu ma’ 'coperto' jew xi ħlas addizzjonali simili f’ristorant f’Malta?

Ritratti:

Facebook / Roderick Galdes

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI