Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola bħalissa tinsab fi New York, fejn iltaqgħet ma' Giovann Attard, kok żagħżugħ mill-Għarb, Għawdex, li qed jagħmel isem fis-suq kompetittiv tal-ikel fl-Istati Uniti.
Metsola qalet li kienet esperjenza sabiħa tiltaqa’ ma’ Giovann Attard u tisimgħu jirrakkonta l-vjaġġ tiegħu, vjaġġ li ħadu mill-gżejjer Maltin għal Dubai, Londra, u issa lejn New York, fejn qed jagħti togħma awtentika ta’ Malta.
“Kburija li ltqajt miegħu, ippruvajt dak li ħoloq u rajt kif baqa’ konness mal-għeruq tiegħu waqt li bena karriera madwar id-dinja,” qalet Metsola fil-messaġġ tagħha fuq il-midja soċjali. Il-President tal-Parlament Ewropew faħħret kif il-kok Għawdxi rnexxielu jżomm ħaj il-wirt kulinari Malti filwaqt li jinnova u jadatta l-ħiliet tiegħu għal suq internazzjonali. “Kompli ispirana, Chef!” temmet Metsola fil-messaġġ tagħha.
L-esperjenza ta' Giovann Attard hi eżempju ċar ta’ kif it-talenti Maltin u Għawdxin jistgħu jaslu fuq livell globali, bla ma jitilfu l-konnessjoni mal-identità tagħhom. Il-kisbiet tiegħu mhux biss huma ta’ unur għal familja u l-pajjiż, iżda wkoll ta’ ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda li jixtiequ jsegwu l-passjonijiet tagħhom barra minn xtutna.
Facebook / Giovann Attard