L-organiżżaturi tal-Malta Comic Con ħabbru lista ta’ mistednin speċjali internazzjonali u numru ta’ punti ewlenin għall-edizzjoni tant mistennija tal-2026.
Din is-sena, il-programm jiġbor flimkien personalitajiet marbuta ma’ produzzjonijiet kbar ta’ Hollywood, sensiliet ikoniċi tal- video-games, sensiliet televiżivi popolari, u nies li ħadmu fil-qasam tad-dubbing.
L-avveniment ewlieni tal-pop culture f’Malta se jirritorna fl-10 u l-11 ta’ Ottubru 2026 fl-MFCC, Ta’ Qali, għal tmiem il-ġimgħa iddedikat lill-komiks, gaming, cosplay, anime, films u l-kultura geek.

Mistednin speċjali internazzjonali
Fost il-mistednin imħabbra għal din l-edizzjoni hemm:
- Vincent Regan, attur magħruf għal rwoli b’saħħithom bħal Captain Artemis fil-film 300 ta’ Zack Snyder, u Vice Admiral Monkey D. Garp fis-serje live-action One Piece ta’ Netflix.
- Craig Fairbrass, attur u voice performer magħruf talli ta leħnu lil Simon “Ghost” Riley u Gaz fis-sensiela ta’ video games Call of Duty. Huwa magħruf ukoll għar-rwol tiegħu bħala Pat Tate fil-films Rise of the Footsoldier, u aktar reċentement bħala Chef Zeff fis-serje live-action One Piece ta’ Netflix.
- John Romero, wieħed mill-ismijiet ewlenin fl-istorja tal-gaming, ko-fundatur ta’ ID Software u ko-kreatur ta’ titli pijunieri tal-FPS bħal DOOM u Quake.
- Neil Marshall, direttur u kittieb magħruf għall-film tal-biża’ The Descent, li rebaħ British Independent Film Award, kif ukoll għad-direzzjoni tal-episodju “The Watchers on the Wall” minn Game of Thrones, li wasslitlu nominazzjoni għal Primetime Emmy.
- Julian Lewis Jones, attur veteran b’aktar minn 30 sena esperjenza, magħruf għal rwoli f’produzzjonijiet bħal Justice League ta’ Zack Snyder, Invictus ta’ Clint Eastwood, u House of the Dragon ta’ HBO.
- James Pax, attur internazzjonali tal-azzjoni u tal-arti marzjali, magħruf għar-rwol tiegħu bħala l-Lightning Sorcerer fil-klassiku kult Big Trouble in Little China ta’ John Carpenter. Huwa magħruf ukoll bħala l-ewwel attur Ċiniż-Amerikan f’rwol ewlieni f’films Ġappuniżi.
- Alyson Sullivan, magħrufa bħala l-Yellow Ranger / Taylor Earhardt f’Power Rangers Wild Force, l-ewwel mexxejja mara ta’ tim fis-sensiela, kif ukoll għar-rwol tagħha fil-film Hell Ride, li kellu lil Quentin Tarantino bħala produttur eżekuttiv.
- James Davies, magħruf bħala Chase Randall, il-Black Ranger f’Power Rangers Dino Charge u Dino Super Charge. Huwa deher ukoll f’serje televiżivi bħal Legend of the Seeker u Inspector Lewis.
- Julie Dawn Cole, l-attriċi li interpretat lil Veruca Salt fil-film klassiku tal-1971 Willy Wonka & the Chocolate Factory, flimkien ma’ Gene Wilder.
- Pietro Ubaldi, wieħed mill-aktar vuċijiet magħrufa fid-dubbing Taljan, fost l-oħrajn bħala l-vuċi Taljana ta’ Captain Barbossa fis-saga Pirates of the Caribbean, kif ukoll ta’ Doraemon u Patrick Star f’SpongeBob SquarePants.
- Hugh Spight, performer u puppeteer magħruf għal diversi rwoli f’Star Wars: Return of the Jedi, fosthom il-Gamorrean Guard u Prune Face. Huwa interpreta wkoll il-Black Dalek fis-serje klassika Doctor Who.
Il-lista sħiħa tal-mistednin għall-Malta Comic Con 2026 tinsab fuq: https://maltacomiccon.com/guests-2026/
Esperjenza diretta mal-mistednin
Il-Malta Comic Con se jkompli jibni fuq l-atmosfera familjari u komunitarja li għaliha l-avveniment huwa magħruf. Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jiltaqgħu mal-mistednin mill-qrib, jieħdu awtografi, jieħdu ritratti, u jattendu panel discussions live b’sessjonijiet miftuħa ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.

Ma hemmx bżonn booking minn qabel jew VIP passes riżervati biex wieħed jiltaqa’ mal-mistednin.
Din l-istruttura aċċessibbli tagħti lill-viżitaturi ċ-ċans joħolqu mumenti personali u memorabbli mal-istilel favoriti tagħhom.
Il-Kompetizzjoni tal-Cosplay
Il-Kompetizzjoni annwali tal-Cosplay, wieħed mill-aktar elementi popolari tal-Malta Comic Con, se terġa’ tirritorna biex tiċċelebra l-kreattività, is-sengħa u t-talent ta’ cosplayers lokali u internazzjonali.
Din is-sena se jkun hemm ukoll enfasi speċjali fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa permezz ta’ kategoriji ġodda għat-tfal. Dawn il-kategoriji se jagħtu lil cosplayers iżgħar l-opportunità jitilgħu fuq il-palk, juru l-kostumi favoriti tagħhom, u jieħdu sehem f’ambjent divertenti, inkoraġġanti u addattat għall-familji.
Il-linji gwida, id-deskrizzjonijiet tal-kategoriji u l-formoli tar-reġistrazzjoni jinsabu fuq: https://maltacomiccon.com/cosplay26/
Wirja ta’ pop culture u avvenimenti interattivi
Minbarra l-mistednin ewlenin, is-sala se tinkludi firxa wiesgħa ta’ artisti lokali, talenti kreattivi, bejjiegħa u esebituri popolari, flimkien ma’ mistednin internazzjonali minn oqsma differenti tal-pop culture. Dilettanti tal-video games u tal-logħob tabletop se jkunu jistgħu jgawdu minn żoni ddedikati għall-gaming u minn avvenimenti strutturati matul il-weekend kollu. Il-programm se jinkludi wkoll taħditiet, panel discussions interattivi, sessjonijiet miftuħa ta’ gaming u attivitajiet għal etajiet differenti.

Biljetti
Il-biljetti huma disponibbli online mis-sit uffiċjali.
Il-biljetti mixtrija online jagħtu dħul bi prijorità siegħa qabel, fl-10:00 ta' filgħodu, biex jitnaqqas il-ħin ta’ stennija fil-kju. Tfal ta’ 10 snin jew inqas jidħlu b’xejn.
Bejgħ mid-daħla: Biljetti tad-dħul ġenerali se jkunu disponibbli wkoll mid-daħla tal-MFCC mill-11:00am ’il quddiem kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd.
Il-Malta Comic Con 2026 se tkun ċelebrazzjoni ta’ immaġinazzjoni, films, gaming, cosplay u komiks, flimkien ma’ wħud mill-aktar ismijiet magħrufa fl-istorja tal-pop-culture.