Għajnuna Finanzjarja U Legali Għaż-Żgħażagħ Li Se Jiftħu L-Ewwel Kumpanija Tagħhom

Żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena li jkunu qed jagħmlu l-ewwel passi tagħhom fid-dinja tan-negozju se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja u legali biex iwaqqfu l-ewwel kumpanija start-up tagħhom.

L-inizjattiva tħabbret mill-Ministru għall-Ekonomija, Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u se tkun implimentata mill-Malta Business Registry (MBR) flimkien ma’ Malta Enterprise. L-għan huwa li jitnaqqsu wħud mill-ispejjeż inizjali li jiffaċċjaw żgħażagħ li jkunu jixtiequ jibdlu idea f’negozju.

Permezz tal-iskema, iż-żgħażagħ eliġibbli se jkunu jistgħu jingħataw rifużjoni tal-miżati relatati mat-twaqqif tal-kumpanija u mar-ritorni annwali tagħha għal perjodu ta’ ħames snin. Se tkun offruta wkoll għajnuna finanzjarja għall-ispejjeż tal-assistenza legali marbuta mat-twaqqif u l-inkorporazzjoni tal-kumpanija matul l-ewwel sena.

“Hemm entużjażmu b’saħħtu fost iż-żgħażagħ, li bħala Gvern kommessi li nagħtu l-għodod meħtieġa biex nibnu ekosistema b’saħħitha. Bdejna b’Intrapriża 16 u qed inkomplu b’din l-inizjattiva ta’ assistenza finanzjarja,” qal il-Ministru Schembri. Huwa spjega wkoll li l-inizjattiva mhux se tkun iffukata biss fuq l-għajnuna finanzjarja. Iż-żgħażagħ se jingħataw ukoll taħriġ biex jifhmu aħjar ir-responsabbiltajiet u l-obbligi li jiġu mat-tmexxija ta’ negozju.

Il-mekkaniżmu se jaħdem permezz ta’ sistema ta’ rifużjoni amministrata mill-MBR u Malta Enterprise. Il-kumpanija l-ewwel tħallas il-miżati dovuti lill-MBR u wara tkun tista’ tapplika ma’ Malta Enterprise għar-rifużjoni, fi żmien sitt xhur mill-inkorporazzjoni jew mill-preżentazzjoni tar-ritorn annwali.

L-MBR għamel ukoll l-aġġustamenti meħtieġa biex dawn il-kumpaniji jiġu kklassifikati bħala Start-Up Youths, sabiex il-proċess biex japplikaw għall-għajnuna jkun aktar faċli. “Il-viżjoni tagħna hija ċara – irridu li Malta tkompli tkun id-destinazzjoni ideali għal startups u imprendituri. Billi kontinwament nirfinaw l-istrutturi ta’ appoġġ tagħna u nattiraw negozji internazzjonali, irridu nkomplu nibnu t-triq għal tkabbir ekonomiku fit-tul,” kompla jgħid il-Ministru.

Waqt diskussjoni li saret b’parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Business Registry Dr Geraldine Spiteri Lucas u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise George Gregory tennew ukoll l-impenn tal-entitajiet tagħhom biex jappoġġjaw aktar żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fid-dinja tan-negozju.

L-inizjattiva għandha għalhekk tgħin biex jitnaqqas il-piż finanzjarju fl-ewwel snin ta’ start-up, filwaqt li ż-żgħażagħ jingħataw aktar appoġġ biex jibnu u jiżviluppaw in-negozju tagħhom.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI