“Li L-Ingliż Huwa Lingwa Uffiċjali Ma Jfissirx Li L-Malti Għandu Jmur Minn Taħt F’Pajjiżu Stess” – Għidha Bil-Malti

Kemm għandna napprezzaw il-lingwa tagħna u kemm għandna nistennew li min jiġi jgħix Malta jagħmel l-istess? Din hija l-mistoqsija li qajmet diskussjoni wara kumment li rċeviet il-paġna Għidha bil-Malti.

Il-paġna rrakkontat kif kumment mingħand barrani, li seta’ faċilment sar ukoll minn Malti, irritaha mhux ftit. Il-persuna kienet sostniet li l-barranin f’Malta m’għandhomx għalfejn jitgħallmu l-Malti għax l-Ingliż huwa wkoll lingwa uffiċjali.

Madankollu, il-paġna tisħaq li dan ma jfissirx li l-Malti għandu jitlef postu f’pajjiżu stess. Tfakkar li l-lingwa mhijiex sempliċiment mezz ta’ komunikazzjoni, iżda ġġorr magħha l-istorja, il-kultura u l-identità ta’ poplu sħiħ.

Il-messaġġ tagħha jdur ukoll lejn il-Maltin infushom, u tistaqsi kemm-il darba jkunu huma stess li jaqilbu għall-Ingliż u b’hekk inaqqsu l-opportunitajiet li l-barranin jitgħallmu l-lingwa.

Il-konklużjoni tagħha hija waħda ċara: qabel nistennew lil ħaddieħor jirrispetta l-lingwa tagħna, irridu nitgħallmu napprezzawha u nirrispettawha aħna wkoll!

Ritratt:

Facebook/Għidha bil-Malti

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI