Caritas Malta qed tfakkar lill-pubbliku dwar l-importanza li nqattgħu ħin ta’ kwalità ma’ xulxin, speċjalment mal-anzjani li ħafna drabi jgħixu waħedhom. F’kampanja riċenti, l-organizzazzjoni saħqet fuq kif l-użu bla bżonn tal-mobile jista’ jnaqqas mill-attenzjoni u mill-konnessjoni umana li ħafna nies, b’mod partikolari l-anzjani, tant għandhom bżonn.
Caritas Malta għadha kif ippubblikat studju li juri kif numru dejjem jikber ta’ anzjani f’pajjiżna qed jgħixu waħedhom. Din is-sitwazzjoni twassal għal sens ta’ solitudni u iżolament soċjali, li jistgħu jaffettwaw mhux biss is-saħħa mentali tagħhom, iżda wkoll il-benessri fiżiku.
L-istudju jindika li ħafna mill-anzjani jixtiequ aktar ħin ta’ kumpanija u konversazzjoni sinċiera. Żjarat qosra jew ħin imqatta’ flimkien jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ġurnata tagħhom.
Caritas Malta wissiet li waqt dawn il-mumenti ta’ żjarat jew laqgħat, għandu jkun hemm aktar attenzjoni lejn il-preżenza u l-komunikazzjoni diretta. L-użu eċċessiv tal-mobile mhux biss iwaqqaf il-konversazzjoni, iżda jagħti wkoll l-impressjoni ta’ distakk u indifferenza.
“Meta tkun qed tqatta’ ħin ma’ ħaddieħor, speċjalment ma’ xi ħadd li jħossu waħdu, kull minuta ta’ attenzjoni tagħmel differenza. Inħallu l-mobile fil-basket u nikkonċentraw fuq il-persuna li għandna quddiemna,” tgħid Caritas Malta.
Caritas Malta qed tħeġġeġ lill-familji u lill-komunitajiet biex jagħmlu sforz żejjed biex iżuru u jqattgħu ħin mal-anzjani. Dan jista’ jinkludi laqgħat sempliċi fuq kikkra tè, mixja qasira, jew sempliċement konversazzjoni twila.
Il-messaġġ ewlieni hu wieħed ċar: l-attenzjoni u l-preżenza tagħna huma rigal li m’għandhomx prezz.