Bħala tabiba tal-familja, jien imħarrġa biex nieħu ħsieb il-vulnerabbiltà fiżika, soċjali u emozzjonali, biex nisma’ mingħajr ġudizzju, u biex ngħin lill pazjenti fil-mumenti l-aktar diffiċli ta’ hajjithom.
L-appogg favur il-ħajja huwa dwar l-affermazzjoni tal-valur ta’ kull ħajja umana – il-ħajja tat-tarbija u l-ħajja tal-omm – filwaqt li tiġi mħarsa d-dinjità, is-saħħa u l-benesseri tat-tnejn li huma.
Mill-ewwel taħbit tal-qalb, tarbija hija ħlejqa umana, ħajja. Fl-istess ħin, l-omm f’xi drabi tkun qed tiffaċċja biża’, inċertezza, pressjoni soċjali, diffikultajiet finanzjarji jew tbatija emozzjonali.
Fil-prattika ta’ kuljum tiegħi, niltaqa’ ma’ xi nisa li jikkunsidraw l-abort minħabba nuqqas ta’ appoġġ. Għalhekk, jien nistaqsi: “Liema appoġġ jonqosha din il-familja, u kif nista’ nipprovdih sabiex kemm l-omm kif ukoll it-tarbija jkunu protetti?”
Li tkun favur il-ħajja fil-mediċina tal-familja jfisser li:
- Tirrispetta u tipproteġi l-ħajja tat-tarbija mill-konċeviment
- Toffri kura kompassjonata u mingħajr ġudizzju lill-omm
- Tipprovdi informazzjoni medika preċiża
- Tappoġġja l-bżonnijiet fizici, mentali u soċjali
- Tħeġġeġ u tiffaċilita għajnuna prattika, konsulenza u riżorsi fil-komunità kemm ghall-omm u anke ghat-tarbija, inkluz mezzi ta’ xelters u bzonnijiet materjali b’xejn u kif wkoll, l-addozzjoni
- Timxi id f’id man-nisa matul it-tqala u anke wara li titwieled it-tarbija
Il-kura medika favur il-ħajja hija kura olistika, etika u li tafferma l-ħajja, filwaqt li tirrikonoxxi li l-kura tan-nisa u d-difiża tal-ħajja tat-trabi mhumiex valuri opposti – iżda responsabbiltajiet komplementari.
Bħala tabiba tal-familja, id-dmir tiegħi hu li nipproteġi l-ħajja, innaqqas it-tbatija, u qatt ma nabbanduna lill-vulnerabbli – speċjalment meta żewġ ħajjiet ikunu fdati f’idejja.
Facebook/ ×Be Holistically Healthy, MD× By Dame Dr. Georgiana Farrugia Bonnici