Il-midja soċjali saret parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum tagħna. Hemm min jużaha biex jaqsam ħsieb jew opinjoni, min biex idaħħak u jferraħ, min biex jiddefendi drittijiet jew iqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet li jħossuhom importanti u oħrajn biex jirreklamaw prodott jew servizz. Iżda, fost dan kollu, hemm ukoll min jagħżel li juża dawn il-pjattaformi biex jgħajjar, jhedded, iweġġa’, jifred u saħansitra jkisser lil ħaddieħor.
F’messaġġ sinċier, l-Eks Membru Parlamentari Oliver Scicluna rrifletta dwar kif dawn il-pjattaformi nħolqu biex jiffaċilitaw komunikazzjoni innovattiva u jġibu lin-nies eqreb lejn xulxin. Madankollu, huwa sostna li f’ħafna każijiet l-linja tal-etika nqabżet u mhux ftit.
Scicluna ammetta li anke hu, xi drabi, kien fil-mira ta’ kummenti negattivi. Madankollu, għalkemm dawn l-esperjenzi ma kinux frekwenti, huma biżżejjed biex iġiegħluh jirrifletti. “Dan ma jfissirx li nagħmel l-istess lura,” sostna b’mod ċar, waqt li enfasizza l-importanza tar-rispett u r-responsabbiltà anke fid-dinja virtwali.
B’onestà kbira, huwa qal li kieku mhux għax ix-xogħol tiegħu jitlob preżenza fuq dawn il-mezzi, probabbilment kien jagħżel li jagħlaq kollox, minħabba l-ammont ta’ negattività li wieħed jista’ jiltaqa’ magħha.
Minkejja dan, huwa jinnota li ħafna nies iħossuhom komdi jikkomunikaw miegħu permezz tal-midja soċjali. Dan il-fatt ikompli juri kemm dawn il-pjattaformi, meta jintużaw b’mod pożittiv, jistgħu jkunu mezz ta’ konnessjoni u appoġġ.
Facebook/ Oliver Scicluna