Kull Bniedem Għandu Storja – Ta’ Min Tidher U Ta’ Min Tinġarr Fis-Skiet

Hemm nies li jgħaddu mill-ħajja kważi bla ma tħoss li ġarrbu xejn. Iqumu, jidhru, jagħmlu dak li hemm bżonn, jidħku, ikomplu. Minn barra, kollox jidher sew. Xejn ma jqanqal suspett, xejn ma juri t-toqol li setgħu ġarrbu. U sakemm huma stess ma jagħżlux li jaqsmu l-istorja tagħhom, ma tkunx taf x’għaddew minnu tassew.

Imbagħad hemm oħrajn li jġorru l-emozzjonijiet tagħhom fuq wiċċhom. Juru, jitkellmu, iħossu b’mod miftuħ. Id-dmugħ, il-ferħ, il-weġgħat u l-fejqan tagħhom ikunu aktar viżibbli. U anke dan hu uman daqs dak tal-ewwel.

Il-psikologu Nicholas Briffa jaqsam messaġġ dwar dan is-suġġet fejn jistqarr li “l-verità hi li kulħadd iġorr l-esperjenzi tiegħu b’mod differenti. Xi wħud jagħżlu s-skiet, mhux għax iridu jaħbu, imma għax hekk tgħallmu jgħixu u jkunu jippreferu li jqattgħu ftit mumenti waħdihom. Oħrajn iħossuhom aħjar meta jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jitkellmu.”



Iżid ukoll li “hemm feriti li ma jidhrux, imma li jibdlu kollox: kif persuna tħobb, kif torqod, kif tafda, kif timxi fid-dinja.” Mhux għax dawn l-esperjenzi għandhom jibqgħu moħbija, imma għax kull bniedem għandu r-ritmu u t-triq tiegħu lejn il-fejqan.



L-ikbar lezzjoni hawn hi li qatt m’għandna niġġudikaw. Li nifhmu li tbissima tista’ tkun kuraġġ, li silenzju jista’ jfisser storja sħiħa u li mhux kulma jidher fuq barra huwa bilfors veru. Ftit empatija, ftit spazju u qalb li lesta biex tisma’ fil-mument opportun jistgħu jfissru ħafna aktar milli naħsbu.

Fl-aħħar mill-aħħar, aħna lkoll umani u kollha kemm aħna qed nitgħallmu kif inġorru dak li l-ħajja poġġiet f’idejna , kulħadd bil-mod tiegħu.



Ritratti:

Facebook/ Nicholas Briffa

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI