L-attivista Christa Cilia qasmet storja ammirevoli dwar Żaren, kelb żgħir li ltaqgħet miegħu ftit ilu. Fuq Facebook, Christa spjegat li kienet marret iżżur lil Żaren, li kien qed jgħix ma’ mara ta’ età avvanzata.
Il-pjan tagħha kien li tiltaqa’ miegħu, tieħu xi ritratti u tgħinu, iżda malli rat il-kundizzjoni tiegħu, kollox inbidel.
“Il-pjan kien li niltaqa' miegħu, nieħu xi ritratti u nibda nfittex id-dar ideali għalih. Imma malli rajtu, kollox inbidel. Ma stajtx sempliċement nieħu ftit ritratti u nitlaq waqt li naf li kellu bżonn l-għajnuna l-ewwel,” kitbet Christa.
Minn hemm, Żaren ittieħed għand il-veterinarju, fejn beda jingħata l-kura meħtieġa. Christa qalet li l-kelb kien infestat bil-briegħed u kellu l-ġilda f’kundizzjoni ħażina minħabba l-ħakk kontinwu.
Hu beda trattament kontra l-briegħed u ngħata wkoll mediċina biex ittaffi l-ħakk, kif ukoll banju medikat biex il-ġilda tiegħu tkun tista’ tirkupra.
Barra minn hekk, il-kundizzjoni ta’ snienu hija waħda serja u, fi żmien għaxart ijiem, għandu appuntament għal testijiet tad-demm.
“Dan iċ-ċkejken żgur ma kienx fil-pjanijiet tiegħi llum, imma kultant is-salvataġġ jibdel il-pjanijiet għalik,” qalet Christa, li għalissa qed timxi pass pass waqt li tieħu ħsieb lil Żaren.
Prosit bħal dejjem tal-ħidma dedikata tiegħek, Christa. Nittamaw li jirkupra malajr Żaren!