Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, awgurat uffiċjalment lill-belt ta’ Raħal Ġdid wara li ġiet inkurunata bħala l-Belt Ewropea tal-Isport għall-2026, rikonoxximent prestiġjuż li jqiegħed lir-Raħal Ġdid fuq livell Ewropew fil-qasam sportiv.
L-awguri ngħataw waqt il-ACES Gala, li tittella’ fil-Parlament Ewropew fi Brussell, fejn Raħal Ġdid ġie imħabbar bħala r-rebbieħ tat-titlu tas-sena d-dieħla. L-avveniment jiġbor fih rappreżentanti minn diversi bliet Ewropej li ġew rikonoxxuti għall-ħidma tagħhom fil-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika.

Dan ir-rikonoxximent jagħti importanza speċjali lid-dedikazzjoni ta’ Raħal Ġdid lejn l-isport, l-involviment attiv tal-komunità u l-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtu, filwaqt li jirrikonoxxi lill-belt bħala ċentru Ewropew ta’ eċċellenza sportiva.
Matul iż-żjara tagħhom fi Brussell, il-kunsilliera tal-Kunsill Lokali ġew milqugħa fl-uffiċċju tal-President Metsola, li personalment awguratilhom suċċess u faħħret il-ħidma kollettiva li wasslet biex ir-Raħal Ġdid jikseb dan it-titlu importanti.
It-titlu ta’ Belt Ewropea tal-Isport 2026 mistenni jservi ta’ spinta għal aktar inizjattivi sportivi, investiment fl-infrastruttura u opportunitajiet ġodda għall-parteċipazzjoni tal-komunità kollha f’attivitajiet sportivi tul is-sena.
Facebook / Roberta Metsola