L-1 ta’ Ġunju jimmarka l-bidu tas-sajf meteoroloġiku, perjodu importanti għall-esperti tat-temp u l-klima li jestendi sal-31 ta’ Awwissu.
Dan ġie spjegat f’aġġornament ippubblikat mill-paġna Maltese Islands Weather, li tat ħarsa lejn id-differenza bejn is-sajf meteoroloġiku u dak astronomiku.
“Il-meteorologi jaqsmu s-sena f’erba’ staġuni ta’ tliet xhur skont iċ-ċikli tat-temperatura, sabiex l-osservazzjonijiet u l-analiżi klimatika jkunu aktar konsistenti minn sena għal oħra.”
Skont l-esperti, il-perjodu bejn Ġunju u Awwissu huwa meqjus bħala s-sajf meteoroloġiku minħabba li jinkludi l-aktar xhur sħan tas-sena fl-emisfera tat-Tramuntana.
F’Malta, dan il-perjodu huwa tipikament marbut mal-ogħla temperaturi medji annwali, numru akbar ta’ sigħat ta’ xemx u livelli baxxi ħafna ta’ xita.
Bil-bidu uffiċjali tas-sajf meteoroloġiku, ħafna issa qed jistennew il-wasla tal-ewwel mewġiet ta’ sħana tas-sena, hekk kif Malta tidħol fil-qalba tal-istaġun tas-sajf.