Triq It-Telgħa T’Alla U Ommu Magħluqa Wara Splużjoni F’Kamra Tan-Nar

It-Triq it-Telgħa t’Alla u Ommu tinsab magħluqa għat-traffiku u għall-pubbliku hekk kif l-awtoritajiet qed iħeġġu lin-nies biex ma jersqux lejn l-akwati minħabba l-periklu li jista’ jkun għadu preżenti fuq il-post.

Dan wara splużjoni li seħħet aktar kmieni dalgħodu, ftit qabel is-6:30, f’kamra tan-nar li tinsab fil-viċinanzi. Fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija u uffiċjali oħra tal-emerġenza sabiex jassiguraw iż-żona u jivvalutaw kull riskju possibbli li seta’ nqala’ mill-isplużjoni.

Skont l-ewwel informazzjoni disponibbli, jidher li ħadd ma ndarab fost il-persuni li għandhom aċċess għall-kamra tan-nar. Madankollu, l-awtoritajiet għadhom qed jagħmlu l-verifiki meħtieġa biex jassiguraw li ma kien hemm l-ebda persuna oħra fil-viċinanzi fil-ħin tal-isplużjoni.

Intant, diversi persuni rrappurtaw ukoll ħsarat f’postijiet fil-qrib kawża tal-qawwa tal-isplużjoni, għalkemm f’dan l-istadju għadu mhux magħruf l-estent sħiħ tal-ħsarat li saru. L-awtoritajiet qed jappellaw lill-pubbliku biex isegwi l-istruzzjonijiet mogħtija u jevita li jersaq lejn iż-żona sakemm tingħata aktar informazzjoni u l-post jiġi ddikjarat sigur.

S’issa għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet sabiex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi eżatti li wasslu għal din l-isplużjoni. Aktar dettalji mistennija jingħataw hekk kif l-investigazzjonijiet ikomplu matul il-jum.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI