Illum, is-26 ta’ Diċembru, jiġi ċċelebrat Boxing Day — jum li jasal wara l-briju u l-emozzjonijiet tal-Milied u li għal ħafna jfisser waqfa mistħoqqa, aktar kalma u riflessiva.
Storikament, Boxing Day kien jum iddedikat għall-għoti – kaxxi mimlija rigali, ikel jew flus kienu jingħataw lil min ikun fil-bżonn, kif ukoll lill-ħaddiema bħala sinjal ta’ rikonoxximent. F’Malta u f’diversi pajjiżi oħra, dan il-jum jaqa’ wkoll fil-festa ta’ San Stiefnu u għalhekk huwa jum li jġorr miegħu tifsira spiritwali. Mument li jfakkarna fil-valur tal-ġenerożità u l-imħabba lejn l-oħrajn.
Illum, dan il-messaġġ ġie mfakkar b’mod sabiħ ukoll minn Puttinu Cares, li qasmu frażi sempliċi iżda profonda: “Boxing Day huwa jum li jfakkarna li l-għoti ma jispiċċax mal-Milied.” Dan il-messaġġ ċkejken imma profond ġie akkumpanjat b’immaġni ta’ Santa Klaws mistrieħ wara l-festi. Fi ftit kliem Puttinu Cares xtaq jistedinna nieqfu ftit u niftakru f’dawk li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.
Dan il-jum mhuwiex biss dwar mistrieħ jew bejgħ — huwa tfakkira li l-ispirtu tal-Milied ikompli jgħix fil-ġesti żgħar ta’ qalb tajba, fl-empatija u fil-ħsieb tagħna lejn ħaddieħor. Kif ifakkarna Puttinu Cares, l-aqwa rigal li nistgħu nagħtu hija l-ġenerożità u din mhijiex marbuta ma’ data waħda biss, iżda hija atteġġjament li jista’ jkompli jgħix fina matul is-sena kollha.
Facebook/ Puttinu Cares