Ħalla din id-dinja fl-età ta’ 95 sena John Farrugia, magħruf bħala 'Johnie tan-Neonglow', wara aktar minn 70 sena ddedikati għall-arti u s-sengħa tan-neon.
John kien figura magħrufa sew fil-qasam tan-neon f’Malta, b’xogħlu jżejjen u jdawwal għadd kbir ta’ negozji u postijiet familjari f’Malta, Għawdex u anke lil hinn minn xtutna.
Fl-1975 huwa waqqaf Neonglow, u matul is-snin bena reputazzjoni bħala bniedem tas-sengħa li mhux biss ħadem b’dedikazzjoni kbira, iżda wkoll għadda l-għarfien u l-ħiliet tiegħu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajh.
John kompla jipprattika s-sengħa li tant kien iħobb sal-aħħar. L-aħħar neon li qatt ħadem fuqu sar ukoll xhieda tal-passjoni tiegħu għax-xogħol. Fl-aħħar jiem tiegħu baqa’ jaħdem b’dedikazzjoni fuq dak li kien jaf u jħobb l-aktar.
Id-dettalji tal-funeral tiegħu se jitħabbru. Sadanittant, l-uffiċċju u l-workshop ta’ Neonglow se jibqgħu magħluqa sakemm jitħabbar avviż,
Strieħ fis-sliem John! Kondoljanzi lill-familjari, qraba u ħbieb.