F’messaġġ mimli riflessjoni u stedina għall-konverżjoni, il-Papa Papa Ljun XIV ippubblika l-messaġġ tiegħu għar-Randan 2026, bit-tema “Nisimgħu u Nsumu: Ir-Randan bħala Żmien ta’ Konverżjoni”.
F’dan il-messaġġ, il-Papa jistedinna nagħmlu waqfa sinċiera mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum biex nerġgħu nqiegħdu lil Alla fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna u nħallu spazju għal bidla vera fil-qalb.
Ir-Randan, skont il-Papa, mhuwiex biss perjodu ta’ prattiki esterni, iżda opportunità konkreta biex nisimgħu aktar – lill-Kelma ta’ Alla, lill-kuxjenza tagħna u lill-għajta ta’ min hu fil-bżonn. Huwa jfakkarna li s-smigħ veru jwassal għal azzjoni konkreta u għal stil ta’ ħajja aktar sobru, aktar ġust u aktar mimli mħabba.
Il-Papa jagħmel ukoll enfasi qawwija fuq kif nużaw il-kliem tagħna, speċjalment f’kuntest soċjali fejn il-ġudizzju u l-kritika spiss jinqalgħu malajr. Fost l-aktar kliem li laqat lill-qarrejja, qal:
“Ejjew nibdew nevalwaw il-lingwaġġ tagħna, nevitaw kliem iebes u ġudizzji mgħaġġlin, inżommu lura mill-kalunja u milli nitkellmu ħażin fuq min ma jkunx preżenti u ma jistax jiddefendi ruħu.”
Dan il-kliem huwa stedina ċara biex ir-Randan ma jkunx biss sawm mill-ikel, iżda wkoll sawm minn kliem li jweġġa’, minn kummenti negattivi u minn ġudizzji. Huwa mument biex nagħżlu l-paċi flok il-kunflitt u il-ġentilezza flok il-kefrija.
Fl-aħħarnett, il-messaġġ tal-Papa huwa sejħa biex ir-Randan isir mixja komunitarja, fejn familji, parroċċi u gruppi jingħaqdu flimkien f’perjodu ta’ talb, sawm u karità. Hekk biss dan iż-żmien qaddis jista’ jsir tassew żmien ta’ konverżjoni u tiġdid spiritwali li jħalli frott fit-tul.
Facebook / Pope Leo XIV