“Ir-Ruħ Għażiża Ta’ Ommna Ttajret Biex Tiltaqa’ Mal-Mulej” – L-Ambaxxatur Malti Għas-Santa Sede Frank Zammit

Frank Zammit, l-ambaxxatur Malti għas-Santa Sede fuq il-mezzi soċjali tiegħu ħabbar il-mewt tal-għażiża ommu. Hu kiteb, "Dalgħodu, fl-4.00, ir-ruħ għażiża ta' ommna ttajret biex tiltaqa' mal-Mulej, proprju l-għada ta' għeluq is-86 sena tagħha. Fis-17 ta' Mejju kellna lil missierna u lil ommna magħna fuq din l-art. Illum, it-tnejn li huma jinsabu flimkien bħala żewġ wardiet mill-isbaħ fil-Ġnien tal-Mulej."

Hu jkompli jikteb, "Inroddu ħajr lil Alla għax-xhieda sabiħa ta' mħabba, fidi u għaqda li tawna tul ħajjithom kollha. Il-wirt tagħhom jibqa' jgħix fina u f'qalb il-familja kollha. Huwa żmien tassew iebes għalina, iżda nemmnu li t-tbatija, meta ngħixuha bil-fidi, tissaffa u tippurifikana. Għalkemm qalbna maqsuma bin-niket, nafdaw li l-Mulej jagħtina l-qawwa biex inkomplu mexjin u li minn din il-prova joħroġ ġid spiritwali għalina lkoll."

Frank itemm jgħid, "Nitolbukom tiftakru f'ommna fit-talb tagħkom, biex il-Mulej jilqagħha fil-paċi u fil-ferħ ta' dejjem. Inkompli naġġornakom. F'post separata jikteb, "Avviż tal-Funeral. Il-Quddiesa tal-Funeral għall-mistrieħ ta' ruħ ommna Maria Zammit ser tiġi ċċelebrata nhar l-Erbgħa, 29 ta' Lulju, fid-8.45 fil-Knisja Matriċi u Parrokkjali tas-Santissima Trinità, il-Marsa."

Hu jkompli, "Il-familja ddeċidiet li ma ssegwix il-vistu u, minflok il-fjuri, tippreferi li kull min jixtieq jagħmel ġest ta' tifkira jagħti donazzjoni lid-Dar tal-Providenza. Inkunu grati jekk tingħaqdu magħna f'din il-Quddiesa, biex flimkien nirringrazzjaw lil Alla għad-don prezzjuż tal-ħajja ta' ommna, Maria Zammit, u nitolbu għall-mistrieħ ta' ruħha fil-paċi eterna."

Ritratti:

Facebook / Frank Zammit

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI