Is-Sindku Tal-Mellieħa Gabriel Micallef Jitlob Kjarifiki Dwar Il-Pjattaforma Ta’ Divertiment Noma Island

Is-Sindku tal-Mellieħa, Gabriel Micallef, qal li diġà ħa passi sabiex jitlob kjarifiki uffiċjali dwar il-pjattaforma ta’ divertiment fuq il-baħar magħrufa bħala Noma Island, wara rapporti li qajmu diversi mistoqsijiet dwar fejn tista’ tkun qed topera.

F’kitba li qasam fuq il-midja soċjali, Micallef spjega li fl-aħħar jiem dehru artikli dwar pjattaforma kbira fuq il-baħar li tista’ tilqa’ mijiet ta’ nies, iżda qal li l-informazzjoni ppubblikata s’issa kienet ambigwa u mhux ċara biżżejjed dwar il-post eżatt.



Huwa qal li, minkejja li jidher li din l-operazzjoni tista’ tkun lil hinn mill-Mellieħa, xorta waħda hemm bżonn aktar trasparenza. “Għalhekk qed ninsistu li jkun hemm trasparenza sħiħa u kjarifiki uffiċjali, sabiex il-komunitajiet kollha kkonċernati ma jitħallewx fl-inċertezza,” qal is-Sindku.



Micallef żvela wkoll li kkuntattja lill-awtoritajiet kompetenti fosthom Transport Malta, Environment and Resources Authority u Malta Tourism Authority, biex jistaqsi jekk hemmx applikazzjonijiet, pjanijiet jew diskussjonijiet relatati ma’ operazzjonijiet bħal dawn qrib il-kosta tal-Mellieħa.

Is-Sindku spjega li l-lokalità diġà tħoss pressjoni kbira matul ix-xhur tas-sajf, b’eluf ta’ nies iżuru l-bajjiet ewlenin bħal l-Għadira, Armier, l-Aħrax, iċ-Ċirkewwa u l-Marfa. Huwa sostna li l-baħar f’dawn l-inħawi diġà jintuża minn għawwiema, familji, sajjieda, dgħajjes u minn dawk li jipprattikaw sport tal-baħar.



Skontu, l-introduzzjoni ta’ struttura kbira ta’ divertiment f’ambjent li diġà huwa mimli attività tista’ tqajjem tħassib serju dwar is-sigurtà, l-istorbju, l-impatt ambjentali u l-infurzar. Huwa semma wkoll li l-kosta tal-Mellieħa tinsab qrib żoni naturali sensittivi, fosthom ir-Għadira Nature Reserve u s-siti ta’ Foresta 2000, li ddeskriviehom bħala teżor naturali li jeħtieġ li jkun protett.

Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, Micallef enfasizza li l-Mellieħa hija komunità fejn jgħixu n-nies, b’żoni kostali qrib diversi djar residenzjali u fejn il-familji jgawdu l-ambjent naturali tal-lokalità. Huwa temm jgħid li l-kosta għandha tkun rispettata u protetta, u li l-interess tar-residenti, tas-sigurtà u tal-ambjent għandhom dejjem jiġu l-ewwel.

Ritratti:

Facebook / Gabriel Micallef

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI