Il-fundatriċi tal-Malta Ranger Unit, Cami Appelgren, appellat lill-pubbliku biex jappoġġja lill-għaqda permezz ta' ġbir ta' fondi urġenti, hekk kif wissiet li mingħajr aktar riżorsi l-NGO taf ma tkunx tista' tkompli topera bl-istess livell ta' servizz.
F'messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, Appelgren irringrazzjat lil dawk kollha li matul is-snin segwew il-vjaġġ tal-Malta Ranger Unit u appoġġjaw il-ħidma tagħha permezz ta' rapporti, messaġġi ta' inkoraġġiment u diversi forom ta' għajnuna.
Madankollu, spjegat li minkejja li d-domanda għall-interventi tal-għaqda qed tikber b'mod sostanzjali, ir-riżorsi disponibbli m'għadhomx ilaħħqu mal-ammont dejjem jiżdied ta' każijiet li qed jiġu rrappurtati.
Appelgren qalet li l-akbar sfidi bħalissa huma n-nuqqas ta' fondi u ta' persuni biżżejjed biex jappoġġjaw l-operat tal-għaqda. Sostniet li l-Malta Ranger Unit dejjem impenjat ruħha li tibqa' "għall-poplu u mill-poplu", u għalhekk għażlet li ma tiddependix fuq finanzjament tal-Gvern sabiex iżżomm l-indipendenza tagħha u tkun tista' taħdem mingħajr restrizzjonijiet.
Għalhekk, tħabbar li tnieda ġbir ta' fondi fuq skala akbar bil-għan li l-organizzazzjoni tkun tista' tkompli topera matul is-sena li ġejja, filwaqt li tfittex soluzzjonijiet fit-tul biex issaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tagħha.
Fl-appell tagħha, Appelgren ħeġġet lil kull min jemmen fil-ħidma tal-Malta Ranger Unit biex, jekk jista', jagħti donazzjoni jew isir membru tal-għaqda. Hija ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda kruċjali, u qalet li dan huwa "mument ta' issa jew qatt" għall-futur tal-organizzazzjoni.
Facebook / Cami Appelgren