Il-psikologu lokali Nicholas Briffa jitkellem fuq it-tensjoni finanzjarja fil-koppji li probabbli jkollha toqol li ġej minn postijiet oħra wkoll. Hu jaqsam il-ħsibijiet tiegħu dwar dak li jiltaqa’ miegħu fil-ħajja professjonali tiegħu.
Hu jikteb, “It-tensjoni finanzjarja fir-relazzjonijiet rari tkun biss dwar il-flus. Din hija xi ħaġa li sikwit nara fix-xogħol professjonali tiegħi. Spiss tkun espressjoni ta’ temi psikoloġiċi aktar profondi: is-sigurtà, il-kontroll, il-fiduċja, l-awtonomija u l-valur personali. Kull persuna tidħol fir-relazzjoni b’narrattiva finanzjarja interna, iffurmata minn esperjenzi bikrin, messaġġi kulturali u familjari jew inċertezzi tal-passat. Meta dawn in-narrattivi ma jaqblux, jinħoloq il-kunflitt.”
Briffa jżid, “L-evitar, id-difiża jew l-blokk emozzjonali f’diskussjonijiet dwar il-flus ġeneralment mhumiex sinjal ta’ nuqqas ta’ interess, iżda indikazzjoni li s-suġġett jinħass bħala emozzjonalment mhux sigur. Minn perspettiva klinika, djalogu finanzjarju effettiv huwa inqas dwar il-baġit u aktar dwar it-tifsira. Meta koppji jesploraw x’jirrappreżentaw il-flus għal kull wieħed minnhom (voldieri t-tifsira tal-flus għalija u għalik), il-kunflitt jonqos u l-kollaborazzjoni ssir possibbli.”
Hu jtemm jgħid, “Il-flus jieqfu jkunu suġġett li joħloq kunflitt meta jiġu trattati b’kurżità u mhux b’ġudizzju.”
Facebook / Nicholas Briffa