Ira Losco qalet li l-artisti llum qed iġarrbu pressjoni akbar minn qatt qabel biex, minbarra l-mużika, joħolqu wkoll kontenut kontinwu għall-midja soċjali – sitwazzjoni li, skontha, tfisser li x-xogħol effettivament irdoppja.
F’serje ta’ Instagram stories li tellgħet kmieni llum, Losco rrakkontat kif l-industrija tal-mużika nbidlet drastikament maż-żmien, fejn il-fokus fuq il-kreattività ġie sostitwit, jew tal-inqas imfixkel, mill-ħtieġa li tinbena preżenza online kostanti.
“Dalgħodu ma nħossnix li għandi noħloq kontenut. Mhux li nagħmel dan regolarment. Kultant nieqaf u naħseb kif spiċċajt mitfugħa f’dawn l-affarijiet kollha,” kitbet Losco, b’ton ta’ frustrazzjoni dwar dak li qed jintalab mill-artisti llum il-ġurnata.
Hi spjegat kif bdiet il-karriera tagħha f’dak li sejħet “l-era oriġinali tal-marketing”, meta l-artisti kienu qed jagħmlu photoshoot għal rivista jew billboard u “x-xogħol kien jispiċċa hemm”.
Illum, sostniet, ir-realtà hija kompletament differenti. “Jekk inti mużiċist, minbarra li tikteb kanzunetti jew albums, trid ukoll toħloq kontenut. Trid toħroġ b’kunċetti għall-music videos u tiġbidhom,” qalet.
Skont Losco, l-obbligi tal-artisti issa jinkludu wkoll il-ħolqien tal-viżwali għall-kunċerti, id-direzzjoni mużikali, l-immaniġġjar tal-bookings, u fuq kollox, il-ħolqien ta’ kontenut kontinwu għall-midja soċjali. “U issa trid ukoll toħloq kontenut li kultant ikun verament bla sens, dan biss biex tiġbed il-followers,” żiedet tgħid.
Losco qalet li tħoss simpatija kbira lejn artisti iżgħar li qed jippruvaw isibu triqthom f’dan l-ambjent kompetittiv. “Qatt ma kien daqshekk ‘dog-eat-dog’ u huwa verament distrazzjoni kbira meta dak li suppost qed niffukaw fuqu huwa li niktbu l-mużika, mhux li noħolqu kontenut għal TikTok jew Instagram,” sostniet.
Hija enfasizzat ukoll l-ispiża kbira li tinvolvi l-produzzjoni tal-mużika, u l-pressjoni finanzjarja li din toħloq. “Il-ħolqien tal-mużika u l-videos jiswew somma kbira lill-mużiċisti u l-artisti. U mbagħad, minbarra dan kollu, iridu jużaw il-ħin tagħhom biex joħolqu l-kontenut. Allura iva, ix-xogħol huwa DOPPJU,” qalet b’mod ċar.
Il-kummenti ta’ Losco jżidu leħen ieħor ma’ diskussjoni li dejjem qed tikber dwar kif il-midja soċjali qed tbiddel l-irwol tal-artisti, u x’impatt dan qed ikollu fuq il-kreattività u s-sostenibbiltà tal-karrieri tagħhom.
Facebook / Ira Losco