Wara li lbieraħ il-European Broadcasting Authority, li qed torganizza l-Eurovision Song Contest, ħabbret li t-titlu tal-kanzunetta Maltija ser ikun iċċensurat, tqajmu bosta reazzjonijiet. Tkellem kontra d-deċiżjoni mas-sit Times of Malta, il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici, fejn iddefenda l-kanzunetta u t-titlu ta' Malta.
"Jien nikkundanna ċ-ċensura, ħdimt kontra ċ-ċensura artistika fil-ħajja politika tiegħi kollha, u dan huwa eżempju perfett ta’ każ ta' ċensura artistika,” qal Bonnici lil Times of Malta.
Is-sit ikkuntattja lill-Ministru għal reazzjoni rigward id-deċiżjoni tal-EBU, fejn qal li x-Xandir Lokali qed jiddiskuti mal-awturi Maltin u mat-tim artistiku li qed jgħinu lir-rebbieħa tal-Malta Eurovision Miriana Conte tħejji għal Mejju.
“It-tim bla dubju jibqa’ ffukat fuq li jikseb prestazzjoni tal-ogħla livell fil-Eurovision Song Contest, u għandi fiduċja sħiħa fil-kapaċitajiet tagħhom. Żgur li se jagħmlu xogħol tajjeb ħafna.”
Bonnici qal lil Times of Malta li jista’ jifhem għaliex ħafna nies huma “estremament diżappuntati” bid-deċiżjoni tal-EBU, hekk kif hu għandu l-istess sentiment. Ma jaqbilx ma' min qed jgħid li Malta ma tipparteċipax bħala protesta.
“Aħna għandna lkoll nappoġġjaw il-parteċipazzjoni ta' Malta fil-Eurovision u lit-tim kollu. Jagħmlulna kemm jagħmlulna, ejja nservu l-kant,” qal Bonnici.