Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, ħabbar l-ewwel dettalji dwar leave għal koppji li t-trabi tagħhom jiddaħħlu għall-kura intensiva. Dr Ellul qal li l-leave għal koppji li t-trabi tagħhom jiddaħħlu fl-NPICU se jingħata mhux biss lill-omm, iżda lill-partner tagħha wkoll, u rrelevanti mis-sess tal-koppja.
Waqt li kien qed jitkellem fit-tnedija tal-konferenza nazzjonali, Dr Ellul qal li bl-introduzzjoni ta’ dan il-leave, mhux se jintefa’ piż żejjed fuq in-negozji Maltin u Għawdxin. Dan il-leave, li llum bdiet id-diskussjoni nazzjonali dwaru, se jkun qed jingħata lil koppji li t-trabi tagħhom jiddaħħlu għall-kura intensiva fl-Isptar.
Fid-diskors tiegħu Dr Ellul enfasizza li bl-introduzzjoni ta’ dan il-leave mhux se jkun qed jintefa’ piż żejjed fuq min iħaddem, anke jekk aċċenna li biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem f’dawk li huma drittijiet għall-familji, hemm bżonn li kulħadd jiġbed ħabel wieħed.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li diġà skattat konsultazzjoni interna dwar il-bżonn ta’ dan il-leave, li minnhom irriżulta li jekk il-koppja jqattgħu il-ħin mat-tarbija tagħhom waqt li din tkun f’kura intensiva, it-tarbija tirkupra aktar malajr milli jekk titħalla waħidha.
Apparti l-aspett mediku, hemm ukoll l-aspett finanzjarju, b’Dr Ellul jgħid illi dan il-leave se jkun qed itaffi ftit mill-piż finanzjarju, u ħafna drabi mhux mistenni, li jaffaċċjaw il-koppja meta bħal sajjetta fil-bnazzi it-tarbija tispiċċa f’kura intensiva.
Din il-konferenza nazzjonali kienet l-ewwel pass fid-diskussjoni dwar l-NPICU Support Leave, li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tissokkta permezz ta’ aktar attivitajiet li matulhom il-partijiet kollha interessati se jkunu mistiedna jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom, sabiex kif temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, bi sforz kollettiv titfassal liġi li verament tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.