‘Jiddu L-Kwiekeb 2026’ – Lejla Mużikali Ta’ Spettaklu U Armonija Mill-Kumpanija Teatru Rjal

jiddi

Wara s-suċċess kbir bl-introduzzjoni tal-kunċert mużikali Jiddu l-Kwiekeb - Lejla ta’ Spettaklu u Armonija s-sena li għaddiet f’Dar il-Mediterran, il-Kumpanija Teatru Rjal qed tipprepara bis-sħiħ lejla oħra ta’ spettaklu u armonija bl-isem Jiddu l-Kwiekeb 2026 għal darb’oħra fit-teatru prestiġjuż u storiku ta’ Dar il-Mediterran, il-Belt.

Dan ser isir nhar is-Sibt 19 ta’ Diċembru 2026 fis-19:30. Id-direzzjoni għażlet li żżomm l-istess isem tas-sena li għaddiet għax il-ħsieb tal-organizzaturi wara l-isem ‘Jiddu l-Kwiekeb’ huwa li din is-serata tkun minn sena għall-oħra dedikata għal dawk il-persuni li minn wara l-kwinti jaħdmu matul is-sena kollha biex jagħmlu l-ħajja ta’ persuni fil-bżonn ftit aktar faċli waqt li joffru l-għajnuna u l-appoġġ tagħhom bla ħlas.

Fost il-ħafna għaqdiet u organizzazzjonijiet volontarji li ma jiqfux jagħmlu l-ġid f’pajjiżna matul is-sena kollha, ċertament hemm Puttinu Cares li jaħdmu bla heda ma’ persuni u tfal morda u jassistuhom f’Malta u barra fil-kura li jkollhom bżonn.

Għalhekk il-Kumpanija Teatru Rjal se jkun qed tgħaddi parti mid-dħul tal-biljett ta’ din l-edizzjoni ta’ Jiddu l-Kwiekeb 2006 lil din l-organizzazzjoni, immexxija minn persuni li verament huma kewkba li tiddi u titfa’ raġġ ta’ tama f’kull min iħabbat il-bieb tagħha.

F’atmosfera mill-isbaħ l-udjenza se tgawdi siltiet mużikali immortali kemm internazzjonali kif ukoll Maltin li jqanqlu l-ferħ, divertiment, nostalġija u spettaklu mhux biss mużikali imma wkoll viżiv, kif inhi rinomata ħafna li tagħmel din il-kumpanija.

Fuq il-palk se jkunu preżenti ismijiet magħrufa bħal Neville Refalo, Ludwig Galea, J Anvil, Mark Tonna, Corazon, Talitha, Sarah Bajada, Debbie Scerri, il-kor VOCA taħt id-direzzjoni ta’ Nathalie Camilleri u l-assistenta Lara Bonnici, u l-kor tat-tfal Future Voices immexxi minn Maria Bellia u Iona Dalli.

Ismijiet li jiggarantixxu serata mill-isbaħ u ta’ livell bla preċedent fil-produzzjonijiet imtellgħa mill-Kumpanija Teatru Rjal. Ma’ dawn il-preżenza ta’ orkestra ta’ għaxar elementi li se tkun immexxija minn Conrad Briffa.

Il-preżentazzjoni se tkun f’idejn Marica Cassar, persuna oħra b’esperjenza twila u tant versatili fuq il-palk Malti.

Kull min hu midħla tal-produzzjonijiet mużikali li tellgħet il-Kumpanija Teatru Rjal matul l-34 sena mit-twaqqif tagħha, jaf li għandu jistenna serata indimentikabbli ta’ mużika sabiħa fi sfond ta’ spettaklu ta’ dwal, projections, sound u korjografija tal-ogħla livell, li laħaq il-quċċata tiegħu meta s-sena li għaddiet irrikorriet għall-ewwel darba għat-teatru prestiġjuż ta’ Dan il-Mediterran fil-Belt Valletta.

Booking jinsab miftuħ mis-sit ktrmalta.com jew permezz tan-numru tat-telefon 99476468. Tinsewx li ma’ kull biljett maqtugħ, minbarra garanzija ta’ serata mill-aktar pjaċevoli, se tkunu qegħdin tgħinu b’mod dirett lil Puttinu Cares. Tħallux għall-aħħar

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI