“Jien Pruvajt Naħrab Tliet Darbiet Minn Malta Bil-Vapuri.” – Joe Camilleri

Joe Camilleri jirrakkonta mal-paġna lokali The People of Malta, kif bħala żagħżugħ iddeċieda li jitlaq minn pajjiżu biex ifittex futur aħjar. L-ewwel attentat tiegħu kien meta nħeba ġo lifeboat fuq vapur lejn l-Awstralja, iżda nqabad u spiċċa maqful sakemm sħabu ġabru Lm40 biex jeħilsuh.

Ftit wara reġa’ pprova, din id-darba fuq vapur tal-faħam lejn l-Ingilterra. Wara tmint ijiem fuq il-baħar qabeż f’baħar friżat, iżda sab lill-pulizija jistennewh u ntbagħat lura Malta.



Wara perjodu fil-Libja fi żmien Muammar Gaddafi, finalment irnexxielu jmur jaħdem l-Ingilterra. Ħadem fir-Regent Hotel u darba saħansitra spiċċa f’sitwazzjoni imbarazzanti mal-attur Peter Sellers. Aktar tard, wara argument, spiċċa l-ħabs fuq Isle of Sheppey fejn qatta’ tliet snin.



Il-ħolma Amerikana ġiet wara. B’passaport falz wasal il-Kanada u qasam lejn l-Istati Uniti, fejn aktar tard kiseb il-Green Card u għex 23 sena hemmhekk. Minkejja kollox, illum jgħid li bħal Malta m’hawnx.

Iżżewweġ darbtejn u kellu erbat itfal, għalkemm tnejn minnhom mietu. Jistqarr li l-ħajja għallmitu jkun aktar għaqli u li sal-lum għadu jgħin lil min ikun fil-bżonn. Jgħid li jekk jara lil xi ħadd bil-ġuħ, jagħtih x’jiekol – għax it-tbatija għallmitu jifhem aktar lill-oħrajn.



Ritratti:

Facebook / The People of Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI