Jirritorna L-Konkors Kanzunetta Indipendenza – Skopri Kemm Daħlu Kanzunetti Din Is-Sena!

Settembru fil-kalendarju ta’ dawk li jħobbu l-mużika Maltija huwa marbut mal-Konkors Kanzunetta Indipendenza u għal sena oħra, dan il-festival ħa jkun qed iżomm l-appuntament tiegħu. Festival li jagħti ċans lill-kantanti, kompożituri u awturi Maltin jesprimu ruħhom bil-lingwa Maltija.

Għall-edizzjoni ta’ din is-sena applikaw 66 kanzunetta; 24 sottomissjoni daħlu għal Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior li hu miftuħ għal tfal minn sitt snin sa 15-il sena u 42 sottomissjoni għal Konkors Kanzunetta Indipendenza. Minn dawn iridu jgħaddu 20 kanzunetta f’kull kategorija għall-finali. Il-fażi eliminatorja mistennija ssir fil-31 ta’ Lulju.

F’Settembru, NET TV ħa jkun qed iħejji programm speċjali ddedikat lejn dawn iż-żewġ konkorsi. Dan qed issir sabiex il-kanzunetti ta’ dawn il-kantanti jinstemgħu u t-telespettaturi jkollhom ċans isiru jafu l-kantanti aktar. Barra minn dan, NET FM ħa jkun qed jagħti spazju wkoll lill-kantanti fuq il-programmi li jkunu għaddejjin tul dak iż-żmien.





Fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza jitqassmu l-ewwel tliet premjijiet filwaqt li fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior jitqassmu sitt premjijiet. Tlieta lil dawk li għandhom bejn 6 u 11-il sena u tlieta oħra għal dawk li għandhom bejn 12 u 15-il sena. Il-kanzunetta rebbieġa tkun dik li ġabet l-akbar ammont ta’ voti.

Minn kull konkors ħa tiġi premjata wkoll il-kanzunetta bl-għażla tal-pubbliku li ħa tagħżluha intom in-nies tad-dar. Kull kanzunetta finalista ħa jkollha kartolina abbinata magħha u s-suġġett magħżul għal dawn il-kartolini se jkun l-isport u l-stili ta’ ħajja sana.

Il-kantanti ħa jkunu ambaxxaturi ta’ kampanja nazzjonali favur l-isport tul ħajjitna #sportforlife li ġiet varata fl-aħħar jiem. Kull finalist se jkollu abbinat miegħu dixxiplina sportiva differenti fejn fl-istess kartolina se jkun qed jinġibed il-filmat f’ambjent sportiv.



Waqt is-serata finali jkun hemm ġurija għal kull kategorija li tiġġudika l-kanzunetti u fl-aħħar toħroġ bir-riżultati finali. Il-proċess kollu taż-żewġ konkorsi, mill-applikazzjonijiet sal-fażi finali, jsir fil-preżenza ta’ Nutar Pubbliku. Dawn iż-żewġ konkorsi huma kkordinati minn Kumitat Organizzattiv taħt it-tmexxija ta’ Robert Cutajar.

Fil-filmati jidhru l-kantanti Nathaniel Attard li rebaħ l-edizzjoni tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior bil-kanzunetta Burdati fuq mużika ta’ Philip Vella u kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u Rachel Lowell li rebħet il-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta Li Stajt Nagħżel Jien, mill-pinna ta’ Rita Pace b’kompożizzjoni ta’ Mark Spiteri Lucas. 

Facebook / NET 

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI