Mill-1 ta’ Lulju li ġej ser jidħlu fis-seħħ direttivi mħabbra mill-Arċidjoċesi ta’ Malta ftit ilu.
“Id-direttivi huma bbażati fuq tliet prinċipji: li l-poplu Nisrani jrodd ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħna, speċjalment f’din is‑sena li kienet karatterizzata minn pandemija; li jissaħħaħ is-sens ta’ għaqda fil-komunitajiet Insara; u li tingħata importanza speċjali lill-prinċipju ta’ solidarjetà billi ssir enfasi aktar mis-soltu fuq l-għajnuna li l-Knisja toffri lill-persuni fil-bżonn”.
Jingħad eżatt x’ser ikun qed isir waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi. “Il-festa ser tkun iċċelebrata permezz ta’ Quddiesa Solenni u pellegrinaġġ mat-toroq tal-belt/raħal, fid-data tal-festa liturġika jew fil-Ħadd li s-soltu tkun iċċelebrata l-festa fix-xhur tas-sajf. Għal dawk il-festi li diġà għaddew ser tinstab ġurnata alternattiva. Il-pellegrinaġġ, li huwa mixja ta’ fidi, ser ikun karaterizzat minn talb parteċipattiv u jista’ jinkludi s-sehem ta’ baned li jakkumpanjaw it-talb b’innijiet reliġjużi”.
Mons Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi anke pellegrinaġġ fl-14 ta’ Settembru 2020 bħala radd il-ħajr lill-Mulej. L-isqfijiet f’isem l-Arċidjoċesi kollha għamlu appell biex kulħadd iġib ruħu b’mod matur u responsabbli waqt li jsegwi dawn id-direttivi.
Instagram/ festif.malta