Dr Klown B’Avveniment Speċjali Biex Ifakkru Lit-Tfal Li Ħallewna

L-NGO lokali Dr Klown se torganizza avveniment speċjali fl-1 ta’ Ġunju biex tfakkar lit-tfal li tilfu ħajjithom minħabba l-mard, filwaqt li tagħti ġieħ ukoll lis-saħħa u r-reżiljenza tal-familji tagħhom.

Dan l-avveniment, li se jsir kull sena ġewwa l-Isptar Mater Dei, għandu l-għan li joħloq spazju ta’ tifkira u rispett għall-familji, il-ħaddiema tal-isptar, il-voluntiera ta’ Dr Klown u dawk kollha li b’xi mod kienu involuti fil-kura tat-tfal.



L-1 ta’ Ġunju ntgħażlet apposta peress li taħbat mal-Ġurnata Internazzjonali tat-Tfal u l-Ġurnata Dinjija tal-Ġenituri, jum li jfakkar kemm il-valur tal-ħajja tat-tfal kif ukoll l-imħabba u d-dedikazzjoni tal-ġenituri u dawk li jieħdu ħsiebhom.



Il-pubbliku huwa mistieden jingħaqad ma’ Dr Klown fil-ġnien intern tas-SAMOC ġewwa l-Isptar Mater Dei, nhar it-Tnejn 1 ta’ Ġunju 2026 fis-17:45. Min jixtieq jattendi huwa mħeġġeġ jirreġistra permezz tas-sit elettroniku ta’ Dr Klown.

Matul l-attività se ssir quddiesa, jingħataw diskorsi tal-okkażjoni u jiġi organizzat ukoll festin. Wieħed mill-punti ewlenin tal-avveniment se jkun l-iżvelar ta’ skultura speċjali maħduma b’kollaborazzjoni mal-istudenti tad-Dipartiment tal-Arti tal-MCAST. Din l-opra artistika se tibqa’ fil-ġnien tas-SAMOC bħala tifkira permanenti.



Dr Klown bdiet bħala proġett pilota fl-2010 u llum hija organizzazzjoni mhux governattiva li toffri servizzi ta’ “healthcare clowning” fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u f’entitajiet oħra li jieħdu ħsieb it-tfal.

Bħalissa, l-NGO għandha aktar minn 40 voluntier magħrufa bħala “healthcare clowns”, li jżuru regolarment is-swali tat-tfal, flimkien ma’ diversi voluntiera oħra li jgħinu fl-amministrazzjoni.

Għal aktar informazzjoni jew biex tappoġġja lil Dr Klown permezz ta’ donazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tagħhom: Dr Klown

Ritratti:

Facebook / Dr Klown

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI