Sena. Sena mill-aħbar li ħasdet nazzjoni. Sena minn meta ittieħdet ħajja innoċenti. Sena li l-ħajja ta’ fmailja inqalbet ta’ taħt fuq. Sena mill-mewt ta’ Miriam Pace. F’dan il-jum, ir-raġel tagħha Carmel ħallielha messaġġ, messaġġ ta’ dak kollu li għadda u għaddej minnu kuljum.
Hu jiktibilha, “ħanini tiegħi, għaddiet sena minn meta l aħħar li kelimtek u rajtek mimlija ħajja. X’anniversarju dak hux? Anniversarju li minflok tiċċelebra terġa’ tispiċċa mkisser meta jibdew jiġu quddiem għajnejk sekonda b’sekonda l-avvenimenti kollha li ġraw f’dan il-jum misħut. Jum li tlift kollox. Tlift it-trankwillità, tlift dak kollu li ħdimt għalih għomri kollu, iżda fuq kollox tlift l-imħabba ta’ qalbi.”
“Ħajti qatt mhi ħa terġa’ tiġi normali, qiesni ġisem bla ruħ. Emmini nipprova, iżda kull darba li nħares lejn xi ritratt minn tiegħek (imnalla li kont niffitak għax minn dawn għandi ħafna) għajnejja jimtlew bid-dmugħ, anke xi waqtiet bi tbissima fl-istess ħin għax niftakar dak il-waqt li nkun ħadtlek ir-ritratt. Kultant nipprova nieħu r-rwol tiegħek meta jkun meħtieġ, iżda dan qatt ma jista’ jkun. Int kont ħajt ta’ sur għalija. Int kont kapaċi tara x’għandi f’qalbi anke mill-ħarsa ta’ għajnejja.”
“F’din id dinja ħa tissodisfani xi tip ta’ ġustizzja? Le, xejn… bil-bniedem tista’ tqarraq u ddawwar l-argumenti biex il-liġijiet ta’ din id-dinja jastjenuk minn kull ħtija, allura nemmen fil-ġustizzja t’Alla li tagħmel x’tagħmel żgur ħa tieħu dak li tassew ħaqqek. Mir, jien persważ li int anġlu fis-sema, fejn riġlejn Ommna Marija li int kont tħobb. Nitolbok kun l-interċezzonji quddiemha u kompli mexxi lil uliedna fit-triq tas-sewwa u ħarishom minn kull deni.”
Hu jagħlaq bil-kliem, “Sadanittant stennini biex meta jkun il-waqt nerġa’ nara dik it-tbissima sabiħa tiegħek u ngħannqek miegħi. Inħobbok.”
Facebook / Carmel Pace