Ġew imħabbra aktar dettalji dwar Mużika Mużika 2026, il-festival prestiġjuż tal-kanzunetta Maltija li se jiċċelebra s-sitt edizzjoni tiegħu bejn id-19 u l-21 ta’ Marzu 2026.
Il-festival, organizzat minn Festivals Malta, jinsab fl-aħħar fażijiet ta’ tħejjija, b’ħidma intensiva għaddejja mit-tim tal-produzzjoni, it-tekniċi u l-artisti parteċipanti sabiex jitwassal spettaklu ta’ livell għoli.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ħabbar li l-biljetti għall-festival issa huma disponibbli għall-bejgħ mis-sit uffiċjali www.muzikamuzika.mt. Huwa saħaq li Mużika Mużika mhux biss kompetizzjoni, iżda ċelebrazzjoni tat-talent Malti u tal-kanzunetta bil-lingwa Maltija, filwaqt li faħħar il-legat mużikali li nħoloq permezz tal-112-il diska li ħarġu mill-festival matul is-snin.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal li l-udjenzi jistgħu jistennew spettaklu ieħor mill-aqwa, b’palk uniku, orkestra LIVE u artisti lokali mill-aktar bravi. Huwa żied jgħid li wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, fejn il-festival laħaq 320,000 telespettatur, l-aspettattivi għal din is-sena huma saħansitra akbar.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, ħabbar li se jerġa’ jiġi adottat il-format tas-sena li għaddiet, b’sittax-il kanzunetta finalista li se jikkompetu kemm fis-serata tal-Ħamis kif ukoll fil-finali tas-Sibt, biex il-kanzunetti jingħataw aktar spazju u rikonoxximent.
Intant, iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, Raymond Bugeja, ikkonferma li se jerġa’ jiġi implimentat il-Vot tas-Sala, filwaqt li t-televoting se jkun attiv fis-serata finali. Huwa ħabbar ukoll it-tim ta’ preżentaturi għal din is-sena, li se jkun magħmul minn Keith Demicoli, Ira Losco, Jacqui Losco u Jamie Cardona.
Id-Direttur Artistiku, Paul Abela, żied li se terġa’ tittella’ wkoll Is-Serata tal-Klassiċi nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu, li se tlaqqa’ flimkien diversi kantanti veterani b’kanzunetti li qanqlu nostalġija kbira tul is-snin.
Mużika Mużika se jittella’ fl-MFCC u se jixxandar live fuq it-televiżjoni fid-9pm matul it-tliet serati. Għal aktar informazzjoni u aġġornamenti, wieħed jista’ jżur il-paġni uffiċjali tal-midja soċjali ta’ Mużika Mużika u s-sit www.muzikamuzika.mt.
Il-festival huwa organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali.
Facebook / Mużika Mużika