AIDAN, ir-rappreżentant Malti għall-Eurovision Song Contest 2026 bil-kanzunetta
rebbieħa Bella, se jkun qed isiefer lejn il-Bulgarija nhar il-Ġimgħa biex jieħu sehem
fil-finali nazzjonali tagħhom.
Il-pajjiż Balkan se jkun qed jivvota fis-Semi Finali ta’Malta fl-14 ta’ Mejju. Din id-dehra eċitanti tagħmel lill-Bulgarija l-ewwel pajjiż fejn AIDAN se jippreżenta Bella fuq il-palk wara r-rebħa tiegħu, biex b’hekk jagħti bidu għal vjaġġ tal-Eurovision impenjattiv u indimentikabbli.
Dwar iż-żjara tiegħu fil-Bulgarija, AIDAN qal:
“Veru ħerqan biex nerġa’ nżur il-Bulgarija; l-aħħar darba li kont hawn, irrekordjajt ‘Bella’ mal-Orkestra Sinfonika Bulgara f’Novembru li għadda. Ninsab ukoll ħerqan li niltaqa’ ma’ Alis, ir-rappreżentant għall-Eurovision tal-Albanija li ukoll se jkun qed ikanta bħala mistieden speċjali.”
Is-Sibt filgħodu AIDAN se jidher fuq l-aktar programm segwit ta’ filgħodu fil-Bulgarija, This Morning fuq l-istazzjon BNT, u se jkollu intervisti fuq it-televiżjoni u r-radju fil-jiem ta’ wara sakemm jirritorna Malta.
Dan kollu biex, ikompli jippromwovi l-kanzunetta Bella. Is-serata fejn AIDAN ser jagħti l-prestazzjoni tiegħu se ssir nhar is-Sibt filgħaxija, 31 ta’ Jannar.
