"Kien Eżatt Bħal Dan Iż-Żmien Sena Ilu Meta Dħalt Biex Nagħmel L-Operazzjoni Tas-Scoliosis" – Il-Kantanta Lokali Keyana Brydon

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, il-kantanta Keyana Brydon spjegat dwar operazzjoni li kienet għaddiet minnha bħal daż-żmien sena ilu. Il-proċess ta’ rekoverazzjoni tagħha kien jinkludi li hi ma setgħetx tkompli tkanta fuq il-palk.

Illum il-ġurnata għaddiet sena, u l-affarijiet imxew ‘il quddiem.

“Illum nista’ ngħid li jien ħielsa minn kull uġigħ u tbatija li għaddejt minnhom. Kien eżatt bħal dan iż-żmien sena ilu meta dħalt biex nagħmel l-operazzjoni tas-scoliosis. Kont mbeżża’ ħafna – ma kontx naf x’se jsir minni u minn xiex se ngħaddi… It-triq ma kinitx faċli xejn – għaddejt minn ħafna. Iżda llum nista’ ngħid li kienet ta’ suċċess. Meta tafda fil-Mulej u f’Ommu Marija, u tidra ma tagħtix każ x’jgħid ħaddieħor, timtela b’kuraġġ kbir u tibqa’ miexja ’l quddiem.”

Keyana tkompli, “Sibt ħafna nies li fehmuni u għenuni. Iżda kien hemm ukoll min ma fehmnix, u kont inħossha ħafna… għax il-ħaġa trid tħossha int biex tifhimha. Mhux kulħadd jista’ jifhem dak li tħoss u tgħaddi minnu int.”

Il-kantanta tesprimi kemm hi grata lejn il-ġenituri tagħha u l-familja, u l-ħbieb, li dejjem sabithom hemm. Tirringrazzja lill-professuri Mr Stephan Grech u Mr Lehovski, u lit-tim mediku tal-Orthopedic Ward 2.

Keyana tagħlaq b’messaġġ għal dawk li għaddejjin minn din il-battalja, “Nixtiqilhom kull kuraġġ minn qalbi, u li qatt ma jaqtgħu qalbhom – bħalma ma qtajthiex jien.”

Prosit li qsamt din l-istorja tiegħek biex tkun ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor Keyana!

Facebook/ Keyana Brydon







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI