Filwaqt li l-Mosta hija magħrufa l-aktar għar-Rotunda tagħha, f’Wied il-Għasel hemm teżor ieħor li forsi mhux kulħadd jaf bih: il-Kappella ta’ San Pawl l-Eremita, mibnija f’għar naturali qalb il-blat tal-wied.
Id-Dipartiment tal-Informazzjoni iddeskriva dan il-post bħala wieħed mit-teżori storiċi moħbija ta’ Malta. Ritratt meħud minn Daniel Scicluna juri l-ġmiel ta' din il-binja ċkejkna titwaħħad flimkien mal-pajsaġġ naturali ta’ madwarha. L-istorja ta' dan il-post tmur lura għal sekli sħaħ. Il-kappella tissemma fil-viżta appostolika tal-1575, filwaqt li l-binja li naraw illum hija tas-seklu sbatax. Skont il-Mosta Rotunda Foundation, maġenbha hemm ukoll spazju ta’ talb iddedikat lill-Madonna, maqtugħ fil-blat.
Wied il-Għasel innifsu huwa parti importanti mill-pajsaġġ storiku tal-Mosta. Il-Kunsill Lokali jsemmi lil San Pawl l-Eremita bħala waħda mit-tliet kappelli li jinsabu f' dan il-wied, flimkien ma’ dawk ta’ San Pawl tal-Qlejgħa u tal-Isperanza.
Fost il-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum, postijiet bħal dawn jistednuna sabiex meta nsibu daqsxejn taċ-ċans naħtfu l-opportunità u niddedikaw ftit ħin induru u ngawdu l-pajsaġġ sabiħ naturali Maltin. Skoperti bħal dawn ikomplu jikkonfermaw kemm għad hemm ġmiel u wirt x’niskopru f’pajjiżna.
Facebook/Dipartiment tal-Informazzjoni (Daniel Scicluna)